
Take the child and his mother, and flee into Egypt.
Festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi
Kolletta
O Alla li tista’ kollox, int li ma tidhirx, bgħattilna d-dawl tiegħek u keċċejt id-dlamijiet tad-dinja: ixħet fuqna ħarsa ta’ sliem biex nagħtu tifħir xieraq lit-twelid tal-għaġeb ta’ Ibnek il-waħdieni, Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi. Insibu din l-esperjenza sopranaturali ta’ Ġużeppi darbtejn f’din is-silta. Bejn wieħed u ieħor fi spazju ta’ erba’ snin. U kellu twissija oħra fil-ħolm. Illum, meta nisimgħu kliem bħal dan, qisu ma nistagħġbux, ma jissorprendiniex. Drajnih. U, għax drajnih, ma nsaqsux mistoqsijiet bħal: għaliex il-missirijiet tal-lum, mgħammdin bl-Ispirtu s-Santu, m’għadhomx jesperjenzaw interventi divini biex jipproteġu lil uliedhom u lil familthom? Forsi għax Alla nbidel? Le. Alla ma jinbidilx. Lill-ġenituri għadu jistenna minnhom li jipproteġu u jiggwidaw lil uliedhom fit-triq tiegħu. U għalhekk, żgur li jagħtihom ħiliet naturali u sopranaturali biex iwettqu din ir-responsabbiltà.
Alla ta lir-raġel li jkun missier bħalma ta lill-mara biex tkun omm.
Mhux biss li jnisslu l-ulied (minn fejn ġejja l-kelma ġenituri) imma li jrabbuhom, jedukawhom, ikabbru fihom is-sens tal-preżenza ta’ Alla, is-sens tas-sagru f’ħajjithom. Ikabbru fihom karattru sod u b’ħiliet li bihom jgħinu lis-soċjetà u ħiliet oħra li jgħinuhom ikunu wlied Alla attivi, bħat-talb, il-qari tal-Iskrittura, is-sehem fis-sagramenti, is-sehem f’komunità ta’ fidi.
Din is-sena liturġika (A) hi s-sena ta’ San Mattew. Fih naraw l-enfasi tal-missier f’relazzjoni ma’ wliedu. Anke f’din is-silta, Ġużeppi hu mogħti din ir-responsabbiltà.
Tgħid aħna llum inħallu t-trobbija tal-ulied iktar f’idejn l-omm u nħallu lill-missier barra? Hemm ftehim ċar fil-koppja miżżewġa x’inhuma r-rwoli tal-omm u tal-missier? Tagħlim jeżisti. Ninvestu fil-formazzjoni tagħna bħala ġenituri?
L-identità u l-karattru tal-missier huma ħafna importanti fil-pjan ta’ Alla għall-familja. Hu mqiegħed bħala mudell ta’ Alla, li t-tfal, meta jitolbu lill-Missier tas-Sema, ikollhom esperjenza tanġibbli f’missierhom bħala xbieha ħajja tal-Missier.
Talba
Mulej Ġesù, nirringrazzjawk tad-don tal-ħajja li tajtna fil-familja, hi x’inhi l-istorja tagħha. Nitolbu u agħtina wkoll il-qawwa biex ikollna iktar missirijiet li jieħdu b’impenn ikbar ir-rwol tagħhom fil-familja tagħhom u fil-familji Nsara.
Ammen




