
The Dialogue between St Lawrence and the Angel, the Martyr and the Messenger
It-Tmien Riflessjoni dwar il-kwadru titulari tal-Kolleġjata ta’ San Lawrenz, il-Birgu
Kif diġà nnutajna fir-riflessjoni ta’ qabel, b’sengħa liema bħala, permezz tax-xenarju u t-tqassim tat-tila, l-artist imexxina biex inserrħu ħajjitna fuq il-punt fokali ta’ din l-opra massiva, li hu d-djalogu tal-martri mal-anġlu—bil-Grieg ἄγγελος (angelos) li litteralment tfisser messaġġier—li jservi ta’ pont bejn l-art taqbad bin-nar u bl-imħabba u s-sema miftuħ biex jilqa’ l-fjamma tal-imħabba fil-forn bla qies u ta’ qawwa infinita tal-imħabba ta’ Alla għall-bniedem.
Huwa djalogu bejn ix-xhud li jixhed għall-imħabba ta’ Alla bl-imħabba li hu jibqa’ juri sal-aħħar, u l-messaġġier li jiżfen u jtir fid-dawl tas-sema miftuħ, kif San Stiefnu, id-djaknu proto-martri stqarr quddiem is-Sinedriju: “Ara, qiegħed nara s-sema miftuħ u lil Bin il-bniedem fil-lemin ta’ Alla” (Atti 7, 56).
Bħax-xena li jpittrilna Luqa fil-Ġnien taż-Żebbuġ meta ġie anġlu mis-sema biex ifarraġ lil Ġesù fl-agunija tiegħu (ara Lq 22, 43), hekk ukoll dan id-djalogu jfakkarna li l-persekuzzjoni, il-martirju, ix-xhieda, qatt mhuma se jiġu faċli. It-tiċrita ta’ dawl fis-sema magħqud bis-sħab ixheb mhijiex kbira “għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!” (Mt 7, 13-14). Daqstant ieħor ikun ċar l-Appostlu Missierna San Pawl meta lil Timotju jiktiblu: “Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha: Jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll; jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu miegħu wkoll; jekk niċħduh, jiċħadna hu wkoll; jekk nonqsu mill-kelma li tajna, hu jibqa’ jżomm kelmtu; għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu” (2 Tim 2, 11-13).
Mill-banda l-oħra, jekk nieqfu sodi u nibnew fuq il-pedament waħdieni, li hu Ġesù Kristu (1 Kor 3, 11), xħin in-nar jaħraq kollox, joħroġ il-ġojjell tad-deheb prezzjuż li s-Sultan ħadem b’sena kbira. Minn din il-perspettiva, kif irrimarka l-filosfu Kattoliku Franċiż ta’ nisel Lhudi, Fabrice Hadjadj, waqt konferenza ġewwa l‑Vatikan nhar is‑26 ta’ Novembru 2011, il‑persekuzjonijiet ma jibqgħux ostaklu imma, minnhom infushom,
jiftħu spazju għax‑xhieda għax huma okkażjoni biex nitkellmu tassew dwar Alla u dwar l‑imħabba tiegħu li hi qawwija daqs il‑mewt. Minkejja kollox, il‑persekuzzjonijiet jippermettulna li nitkellmu kif tkellem il‑Verb ta’ Alla, jiġifieri bil‑lingwaġġ tas‑salib (1 Kor 1, 18). Minkejja kollox, il‑persekuzzjonijiet jippermettu li jitqaddes l‑Isem [ta’ Alla], jiġifieri li mhux biss illissnuh b’xufftejna qisu kelma bħall‑oħrajn, imma li nistqarruh b’ħajjitna kollha, li nistqarruh bil‑ferità ta’ qalbna stess.
Fabrice Hadjadj, Come parlare di Dio oggi? Anti‑manuale di evangelizzazione, Il Cortile dei Gentili, maqlub minn Cristina Santambrogio (Padova: Messaggero di Sant’Antonio ‑ Editrice, 2013), 173.