Ftit tal-jiem ilu, proprju nhar l-14 ta’ Mejju, iċċelebrajna l-festa tal-Appostlu San Mattija. L-isem “Mattija” bl-Għebrajk ifisser: rigal minn Alla. Fuq Mattija ma nafux ħafna għaliex jissemma darba fl-Atti tal-Appostli li jirrakkonta l-istorja tal-għażla tiegħu. Dan il-qari, u l-eżempju ta’ Mattija jgħidilna xi ħaġa kif nifhmu r-rieda t’Alla. Pietru jiddixxerni r-rieda ta’ Alla li hemm bżonn li jintgħażel ieħor wara Ġuda. Hu jgħidilhom:
“Jeħtieġ għalhekk li wieħed minn dawk li ssieħbu magħna tul iż-żmien kollu li l-Mulej Ġesù għex fostna ibda mill-magħmudija ta’ Ġwanni sal-jum li fih kien meħud minn magħna ikun ukoll jixhed magħna għall-qawmien tiegħu mill-imwiet.”
Atti 1, 21-22
Mattija hu dak li jintgħażel u jaċċetta r-rieda ta’ Alla. Ġużeppi msejjaħ Barsâba jwieġeb għar-rieda ta’ Alla b’mod ieħor għaliex hu ma jkunx magħżul bħala appostlu.