
San Ġwanni Pawlu II u r-Rużarju
Fit-22 ta’ Ottubru l-Knisja tiċċelebra t-tifkira tal-Papa San Ġwanni Pawlu II, proprju fid-data li fiha beda b’mod uffiċjali l-ministeru bħala suċċessur ta’ Pietru fis-sena 1978. Għadna nisimgħuh jidwi f’widnejna l-kliem li l-Papa Pollakk qal waqt l-omelija dakinhar: “La tibżgħux! Iftħu, anzi, iftħu beraħ il-bibien għal Kristu. Għas-setgħa tiegħu li ssalva iftħu l-konfini tal-istati, tas-sistemi ekonomiċi u wkoll dawk politiċi, l-oqsma vasti tal-kultura, taċ-ċiviltà, tal-iżvilupp. La tibżgħux!”
Kienet b’din l-istess karba u b’din l-istess sfida li biha dahar il-globu tad-dinja għal ma nafx kemm-il darba anke meta l-mard rabtu ma’ siġġu tar-roti u dgħajjef lil ġismu tant li l-aħħar darba li deher fit-tieqa għall-Angelus tal-Ħadd, ftit jiem qabel ma miet, ma rnexxilux ilissen kelma.
Imma ħaġa li kienet tant għal qalbu u li żammitu għaddej qalb tant ostakli, bla dubju kienet id-devozzjoni u r-rabta ta’ iben ma’ ommu li kellu mal-Madonna. Tant li anke l-motto tiegħu jindirizzah lilha: “Totus tuus,” “Kollni tiegħek” kliem meħud mill-ktejjeb Id-Devozzjoni Vera lejn Marija ta’ San Louis Marie Grignion de Montfort. Ġwanni Pawlu nnifsu jitkellem dwar din l-għażla fl-ittra appostolika tiegħu tal-2002 dwar ir-Rużarju.
U, ġaladarba ninsabu fix-xahar iddedikat lit-talba tar-Rużarju, jagħmel tajjeb jekk nerġgħu mmorru lura għal dak li jikteb f’Rosarium Virginis Mariae fl-2002. Ġwanni Pawlu jfakkarna kif, bir-ritmu kalm tiegħu, ir-Rużarju jgħinna nimmeditaw il-misteri tal-ħajja ta’ Kristu bl-għajnejn ta’ dik li kienet l-aktar qrib tiegħu (par. 12). Kien ukoll f’din l-ittra appostolika li ġew introdotti l-Misteri tad-Dawl li permezz tagħhom, flimkien mat-twelid, il-passjoni, u l-qawmien, naħsbu wkoll fuq il-ħajja pubblika ta’ Ġesù. San Ġorġ Preca kien ukoll ippropona devozzjoni privata simili lill-membri tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija M.U.S.E.U.M.
Forsi dawn il-jiem li fadal minn dan ix-xahar iddedikat lit-talba tar-Rużarju, ma tkunx idea ħażin jekk bħal Ġwanni Pawlu II npoġġu bilqiegħda ħdejn Marija ommna u nħalluha tqallbilna l-album tar-ritratti ta’ Ġesù, aħna u nitolbu r-rużarju. Inħallu lilha tmexxina u turina dettalji tal-imħabba ta’ Alla għalina li ta’ spiss ninjorawhom, sabiex hekk ftit ftit twassalna għal ħarsa iktar ċara fuq Ġesù u, bħalha, naslu biex nagħtu ħajjitna kollha lilu.


