Id-dixxiplu mistrieħ fuq sider Ġesù

It-Tielet Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, Paola

Lil Alla għadu ħadd ma rah;

imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,

li hu fi ħdan il-Missier.

Ġwanni 1, 18

Hemm riflessjoni li nistgħu nagħmlu dwar dak li Pisani jinkludi f’dan il-kwadru pjuttost iffullat u li torbot mas-Solennità tat-Trinità Qaddisa li l-Knisja tiċċelebra fl-ewwel Ħadd wara Għid il-Ħamsin. Jekk nibdew nagħtu ħarsa lejn il-figuri l-oħra li jdawru lil Ġesù, immedjatament nilmħu lil Ġwanni, jew aħjar lid-dixxiplu l-maħbub, b’rasu mistrieħa fuq sider Ġesù, kif insibu fl-Evanġelju skont San Ġwann, waqt l-aħħar ikla mad-dixxipli qabel il-passjoni (ara Ġw 13, 23).

L-identità ta’ dan id-dixxiplu qatt ma tiġi żvelata lilna. L-awtur sagru jintroduċina ma’ dan id-dixxiplu li Ġesù kien iħobb proprju f’dan il-punt tal-Evanġelju fejn is-siegħa tal-Mulej kienet waslet. Lil dan id-dixxiplu nerġgħu niltaqgħu miegħu wkoll taħt is-Salib, quddiem il-qabar vojt, u meta Ġesù jerġa’ jidher lid-dixxiplu fejn il-Baħar ta’ Tiberija. U f’dawn it-tliet istanti, dan id-dixxiplu juri dik il-fidi li Ġesù jitlob mid-dixxipli meta jinsisti magħhom biex jemmnu fih. Għaldaqstant, nistgħu ngħidu li huwa d-dixxiplu ideali, mera ta’ min suppost ikun id-dixxiplu ta’ Ġesù.

Hija proprju din il-fidi fl-Imgħallem u fedeltà assoluta lejh li tagħmlu daqshekk qrib ta’ Ġesù, hekk qrib li jista’ jserraħ rasu fuq sidru … jew aħjar fi ħdan Ġesù. Il-kelma li l-Evanġelista juża biex jindika l-qagħda tad-dixxiplu hija κόλπος (kolpos), kelma li tista’ timplika kemm “sider” u kif ukoll “ħdan”. Jista’ jidher dettall żejjed, imma meta tikkunsidra d-darba l-oħra li l-Evanġelista juża din il-kelma (is-sentenza mill-Prologu kkwotata iktar ’il fuq), malajr tinduna li din il-kelma għandha importanza kbira. Id-dixxiplu hu fi ħdan l-Imgħallem, l-istess kif dan l-Iben ta’ Alla hu fi ħdan il-Missier. U ħelu ħelu anke d-dixxiplu jsib postu fi ħdan il-Missier, fil-qalba tat-Trinità.

Forsi ngħiru għal dan id-dixxiplu li kien daqshekk qrib il-qalb tal-Mulej. Imma dan il-post privileġġjat mhuwiex miċħud lilna għax aħna lkoll dixxipli maħbubin mill-Mulej. Jiddependi biss mill-għażla tagħna jekk, bħall-ewwel dixxipli, aħniex lesti li nimxu wara l-Mulej sakemm iwassalna fejn jgħammar hu, u nibqgħu miegħu (ara Ġw 1, 35-39). Il-mixja tista’ tkun twila u mudlama, imma huwa possibbli li niġu milqugħa fl-intimità ta’ bejn il-persuni tat-Trinità u minn issa stess nibdew ngħammru hemm għal dejjem.