Dawk l-imberkin distrazzjonijiet!

Naħseb li waħda mill-ikbar sfidi li lkoll inħabbtu wiċċna magħha hi bla dubju dawk l-imberkin distrazzjonijiet: Nieqaf biex nitlob u jibdew ġejjin il-ħsibijiet tad-dinja kollha. Nipprova niskot u dlonk ifeġġ salt ġenn ġo moħħi ta’ affarijiet li rrid nagħmel, ta’ xi nsejt, ta’ dak li qiegħed jippreokkupani bħalissa.

Biex jispjega din il-biċċa tad-distrazzjonijiet, qassis anzjan ħabib tiegħi kien iħobb jirrakkonta storja li ġrat waqt quddiesa li kien qed iqaddes hu xi mkien hawn Malta. Dan kien qiegħed iqaddes u fuq quddiem kien hemm raġel anzjan qed jisma’ l-quddiesa. U dan kellu qattus li ġie warajh il-knisja, u baqa’ dieħel ħdejh fil-bank. Meta r-raġel induna bih, qabdu u ħarġu barra l-knisja. Imma dal-qattus ma qagħadx, u raġa’ daħal. Raġa’ pprova joħorġu barra, u raġa’ l-istess, sakemm fl-aħħar qata’ qalbu, qabad il-qattus u poġġieh ħdejh fuq il-bank, u qagħad hemm bi kwietu l-qattus, ma tellfux iktar.

U kultant fit-talb jiġrilna hekk: meta nippruvaw nitolbu, jibdew ġejjin ħafna ħsibijiet ta’ x’għandna x’nagħmlu, u niftakru xi ħaġa, u l-kumplament. Dan jiġri għax insibu ruħna ftit kwieti, imma l-moħħ tagħna ma jiqafx. U jdejquna dawn il-ħsibijiet—qishom dak il-qattus, li kull darba jerġa’ jiġi. Imma nistgħu wkoll naqbduhom dal-ħsibijiet u npoġġuhom ħdejna fuq il-bank tat-talb: nużaw lilhom ukoll fit-talb tagħna. Għax it-talb tagħna mhuwiex maqtugħ mill-ħajja (qisu nista’ nħalli l-barżakka ta’ ħajti barra, meta nidħol għat-talb). L-affarijiet ma jaħdmux hekk. U anke jekk nippruvaw, ħafna mid-drabi mhux se jirnexxilna, u niffrustraw iktar ruħna; u mhux neċessarjament għandna nagħmlu hekk. Anzi dawk l-affarijiet stess li qegħdin jinkwetawna, itaqqluna, jew iferrħuna, dawk l-affarijiet li għandna nagħmlu, in-nies li qegħdin ninkwetaw dwarhom, dawn huma affarijiet li rridu rresquhom quddiem Alla fit-talb. Ir-realtà tal-ħajja tagħna ma tistax tkun eskluża mit-talb. Anzi, it-talb ifur proprju mir-realtà tal-ħajja tagħna kif inhi!