Il-Labtu tal-Karmnu

Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-pitturi ta’ Michele Bellanti fil-Knisja tal-Lunzjata, l-Imdina

Jien ġibtkom f’art qisha ġnien,

biex tieklu l-frott tagħha

u dduqu l-benna tagħha.

Ġeremija 2, 7

Minkejja li żgur nafu biha d-devozzjoni tal-labtu tal-Madonna tal-Karmnu—jew l-iskapular—tant imħeġġa mill-Ordnijiet Karmelitani, l-għarfien tat-tifsira storika u spiritwali tagħha mhumiex awtomatiċi. Bi tradizzjoni li tmur lura għas-seklu erbatax, jingħad li nhar is-16 ta’ Lulju 1251, il-Madonna dehret lil San Xmun Stock u wegħditu li min imut liebes dan l-iskapular—jew labtu, kif insejħulu b’mod iktar komuni bil-Malti—ma jarax in-nar tal-infern. 8Mhuwiex ċar jekk dan l-episodju huwiex fatt storiku jew le, imma żgur li din id-devozzjoni senslet fil-Knisja spirtu ta’ devozzjoni Marjana li b’sempliċità qawwija tifforma mod ta’ ħsieb u għixien tassew Nisrani.

Il-kelma ‘skapular’ ġejja minn “scapula,” li hija l-għadma tal-ġewnaħ tad-dahar li tgħaqqad l-id mal-ispalla. Għaldaqstant, din il-kelma tirreferi għall-forma tal-labtu bħal donnu fardal minn wara u minn quddiem, biż-żewġ naħat miżmuma ma’ xulxin permezz ta’ żewġ strippi tad-drapp—jew spag fil-forma iktar komuni u mifruxa llum. Anke “labtu” ġejja minn “habitus” li tfisser kemm ilbies u kif ukoll dispożizzjoni tajba tal-karattru.

Il-libsa proprja tar-reliġjużi Karmelitani hi maħduma minn drapp abjad u kannella. L-abjad huwa simbolu tal-magħmudija, tas-safa u tal-ħajja mistika li lejha tistinka l-kariżma Karmelitana. Mill-banda l-oħra, il-lewn kannella jfakkarna fil-ħajja penitenzjali u axxetika li hija t-triq li twassal għal din l-għaqda sħiħa ma’ Alla proprju għax il-proċess ta’ konverżjoni u taħriġ spiritwali jaħdem il-ħamrija tal-umanità sabiex issir art tajba li tagħti l-frott. Mhux ta’ b’xejn li Ġwanni Pawlu II jfakkar li dawk li jilbsu l-labtu jiddaħħlu fl-art tal-Karmel sabiex iduqu mill-frott u l-benna tagħha (ara Ġer 2, 7) huma u jimpenjaw ruħhom biex, bl-għajnuna ta’ Marija, kuljum jimpenjaw ruħhom biex jilbsu lil Kristu u jagħtu xhieda għalih lid-dinja permezz tal-ħajja tagħhom. (Messaġġ lill-Familja Karmelitana, 25 ta’ Marzu 2001, par. 2)

Huma ħafna u varjati d-devozzjonijiet Marjani u l-wegħdiet marbutin magħhom. Imma, fil-qalba tagħhom, l-għan jibqa’ li qalbna tkun f’sintonija ma’ Marija Omm Alla sabiex bħalha nkunu dawk li jwasslu l-ħajja divina. Allura waħedha tqum il-mistoqsija: kif qed tgħix ir-rabta tiegħek ma’ Marija? Għarbel ftit lilek innifsek biex tara jekk hux tpoġġi l-enfasi fuq dak li hu l-iktar importanti. Marija mhijiex importanti fil-ħajja tal-fidi tiegħek? Ftakar li kien Alla stess li waħħadha mal-fidwa tagħna li seħħet bi Kristu imma li kienet tiddependi ħafna fuq l-irwol ta’ Marija u t-tisħib tagħha f’dan l-istess pjan. X’qed ‘tilbes’ sabiex tkun sinjal fid-dinja? X’inhu l-‘iskapular’ li ġġorr fuq spallejk bħal donnu salib li, veru, iġib miegħu piż, imma fuq kollox iġib miegħu salvazzjoni?