Waħda mill-affarijiet li żgur insibu strambi fir-rakkonti tal-ħajja ta’ Ġesù hija bla dubju t-twissija tiegħu biex iżommu sigriet dak li seħħ. Fl-istudju tal-Iskrittura din it-tema interessanti tissejjaħ is-sigriet messjaniku. Dan is-sigriet huwa marbut mal-identità, il-missjoni, u l-importanza tal-Messija. Fl-Iskrittura Lhudija, il-Messija huwa deskritt bħala re ġust li jirrestawra s-saltna ta’ David u jġib era ta’ paċi u prosperità. Din il-figura mhix biss simbolu reliġjuż iżda wkoll politiku, li jirrifletti t-tamiet ta’ poplu spiss taħt il-ħakma ta’ poteri barranin.
Għall-poplu Nisrani, Ġesù ta’ Nazaret hu l-Messija mistenni. Ġesù mhux biss kien profeta u mgħallem, imma wkoll Bin Alla inkarnat li ġie biex isalva l-umanità permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu.
L-Evanġelju ta’ San Mark għandu rwol speċjali fil-kunċett tas-sigriet messjaniku. Dan l-Evanġelju—l-eqdem fost l-erbgħa Evanġelji—joffri stampa unika tal-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù. Waħda mill-karatteristiċi prinċipali ta’ dan l-evanġelju hija proprju din l-idea ta’ “sigriet messjaniku.” Fl-Evanġelju, Ġesù spiss jgħid lid-dixxipli tiegħu biex ma jgħidu lil ħadd dwar l-għeġubijiet u l-mirakli li jagħmel jew dwar l-identità tiegħu bħala l-Messija. Pereżempju, wara li fejjaq lir-raġel li kien marid bil-lebbra, Ġesù jgħidlu biex ma jgħid lil ħadd (Mk 1, 44).
L-istudjużi tal-Bibbja spiss jiddiskutu għaliex San Mark jagħżel li jagħmel hekk. Xi wħud jissuġġerixxu li dan is-sigriet messjaniku huwa mod kif jiġi enfasizzat il-fatt li l-identità vera ta’ Ġesù tista’ tkun mifhuma biss wara l-Qawmien tiegħu mill-imwiet. Fi kliem ieħor, il-missjoni u l-identità tiegħu bħala l-Messija ma jistgħux jiġu verament apprezzati sakemm il-misteru ta’ mewtu u l-qawmien tiegħu ma jkunx sar magħruf.
Is-sigriet messjaniku jirrifletti t-tema eterna tal-misteri kbar tal-eżistenza u t-tfittxija għall-verità u s-salvazzjoni. Kemm fil-Ġudajiżmu, kif ukoll fil-Kristjaneżmu u anke fi tradizzjonijiet oħra, il-kunċett tal-Messija huwa wieħed li jispira tama. Fl-Evanġelju ta’ San Mark, naraw dimensjoni unika ta’ dan is-sigriet, fejn il-misteru u l-fidi jiltaqgħu flimkien b’mod profond.