Umiltà u ċokon li qalbu d-dinja ta’ taħt fuq

It-Tielet Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija, Burmarrad

Ħa taħtaf, nitolbok, o Mulej, il-qawwa mkebbsa u ħelwa tal-imħabba tiegħek il-ħsieb tiegħi minn dak kollu li hu taħt is-sema, sabiex immut għall-imħabba tal-imħabba tiegħek, kif int għoġbok tmut għall-imħabba tal-imħabba tiegħi.

Talba li kien iħobb jitlob ħafna San Franġisk

Fuq ix-xellug tagħha, Marija hi msieħba minn San Franġisk u San Massimiljanu Marija Kolbe—li sa meta tlestiet il-pittura kien għadu ma ġiex ikkanonizzat mill-Knisja u mogħti l-ġieħ tal-altari. Barra li din il-pittura tinsab meqjuma fi knisja Franġiskana, il-preżenza ta’ dawn iż-żewġ qaddisin f’dan il-kwadru għandu wkoll relevanza teoloġika. Bla dubju nistgħu ngħidu li San Franġisk u San Massimiljanu ħallew iseħħ fil-ħajja tagħhom it-trasformazzjoni tal-ħajja tagħhom f’xebh ikbar ma’ Kristu, bħalma San Luqa pitter il-ġmiel ta’ Marija u rrakontlna f’reqqa fl-Evanġelju miktub minnu. San Franġisk għażel li jitwarrab mis-satin fin u l-porpra ta’ missieru, u minflok jgħatti l-għera tiegħu bil-libsa tal-faqar. Minn avventuri u bluha taż-żgħożija mtajra u miġruħa bil-gwerra, San Franġisk ħalla r-rakkont ta’ ħajtu jsir Evanġelju ħaj ta’ Ġesù Kristu, li f’idejh ħa l-laħam fil-lejl qaddis tal-Milied tal-1223 ġewwa Greccio, u li bil-pjagi tiegħu żejnu fuq l’Averna sabiex iwaħħad għal kollox miegħu lil dak li tant kien sar jixbhu bil-ħajja umli u ċkejkna tiegħu. Umiltà u ċokon li qalbu d-dinja ta’ taħt fuq u heżżu lill-Knisja bil-qawwa tagħhom li żżommha wieqfa bl-għażla fundamentali ta’ Kristu l-ewwel u qabel kollox, qabel il-ġid, qabel is-suċċess, qabel il-fama, qabel il-poter, qabel dak kollu li d-dinja ta’ madwarna tħallimna bih u xxennaqna għalih imma, ukoll meta niksbuh, iħallina vojta. Għax, tassew, min qatt jista’ jimla għal kollox qalb il-bniedem għatxana għall-infinit jekk mhux l-istess Infinit li fuq ix-xbieha tal-Qalbu ġiet maħluqa?

Dan kien is-sigriet tal-hena li jfur fit-tifħir bla limiti ta’ Marija fil-Magnificat u ta’ Franġisku f’L-Għanja tal-Ħolqien. Ferħ tant kbir li għadu jfur fuqna minkejja l-millennji jew sekli li għaddew. Kemm inkunu boloh jekk inħallu l-pika, il-firda, l-għira, ir-regħba, il-kilba, ix-xewqat bla rażan, jisirqulna dan il-ferħ li tassew ma jispiċċax.  U dan għaliex, għall-kelma ta’ Marija, Kristu jibqa’ jibdel l-ilma tax-xejn tagħna fl-inbid tal-hena kemm-il darba nibqgħu nersqu lejn dawn iż-żewġ qlub bil-ġarar tagħna. Ġarar dgħajfa, veru, imma fihom jilqgħu t-teżori tal-grazzja u tal-ħajja ta’ dejjem li tibda minn hawn—sew jekk hija diġà l-infern jew diġà l-ġenna. Huwa aħna stess li nfasslu d-destin aħħari tagħna u nibdew ngħixuh minn hawn, irrispettivament minn jekk nidhrux telliefa jew rebbieħa, għonja jew fqar, kbar jew żgħar f’għajnejn l-oħrajn. Li jgħodd huwa li nħallu lis-Setgħani jixħet il-ħarsa fuq iċ-ċokon tagħna u, bħal Marija, inħalluh jhennina.