It-talb, il-kwiekeb, u t-taħbit ta’ qalbek

Fl-Eżortazzjoni Appostolika  wara s-Sinodu dwar iż-żgħażagħ, Christus Vivit, il-Papa Franġisku josserva li:

Espressjoni tad-dixxerniment hu t-tħabrik biex nagħrfu x’inhi l-vokazzjoni tagħna. Hi ħidma li titlob minna nsibu fejn noqogħdu waħidna u fis-skiet, għax din hi deċiżjoni personali ħafna li ħadd ma jista’ jeħodha flokna: “Anki jekk il-Mulej ikellimna b’modi differenti ħafna minn xulxin fuq ix-xogħol tagħna, permezz tal-oħrajn u f’kull mument, ma nistgħux ma nfittxux is-skiet tat-talb fit-tul biex fih nifhmu aħjar dan il-lingwaġġ, biex ninterpretaw it-tifsira vera tat-tnebbiħ li naħsbu li kellna, biex nikkalmaw l-ansjetajiet tagħna u nħarsu lejn il-ġabra sħiħa ta’ ħajjitna għad-dawl ta’ Alla.”

Franġisku, Eżortazzjoni Appostolika Post Sinodali, Christus Vivit (Marzu 25, 2019), par. 283

‘Tajjeb, veru.’ tgħidli, ‘Imma issa dan xi jfisser b’mod konkret? Kif se nagħraf xi tweġiba ta’ mħabba jeħtieġ li nagħti?’ Sempliċi: billi tħares lejn is-sema!

Fost il-ħafna stramberiji tiegħi hemm li tard filgħaxija, b’mod speċjali meta ma jkunx imissni nqaddes tal-ewwel, nieħu gost immur nimxi f’postijiet miftuħa u preferibbilment bl-inqas dawl possibbli biex noqgħod inħares lejn is-sema, partikularment lejn il-kwiekeb. Ovvjament, mhux għax nipprova naqra xortija fil-kwiekeb. L-oroskopju huwa ħmerija pjuttost antika imma llum nafu aħjar li l-istilel mhumiex allat li qed imexxu l-ħolqien, imma huma ħlejjaq ta’ Alla bħalna, enormi, jarmu d-dawl u li jinsabu biljuni ta’ kilometri ’l bogħod. Wara ftit osservazzjoni, u bi ftit għajnuna ta’ diversi siti li ssib fuq l-internet, tibda tagħraf liema huma, x’jisimhom skont l-ismijiet li tajniehom aħna l-bnedmin biex nagħrfuhom u biex jgħinuna fl-ivjaġġar tagħna u fl-immarkar taż-żmien u l-istaġuni.

B’xi mod dan jixbah lill-eżerċizzju tat-talb. Il-kelma Latina desiderium (xewqa) hija marbuta etimoloġikament mal-kelma sidus (stilla). It-talb huwa din il-ħarsa lejn is-sema tal-ħajja tagħna, ta’ dak li jagħmilna min aħna. Għall-bidu jista’ jidher wisq mudlam u konfuż, imma bil-mod il-mod, meta għajnejna jibdew joqogħdu fid-dlam sieket tat-talb, it-talb iġibna wiċċ imb wiċċ max-xewqat l-iktar profondi u ġenwini tagħna. U, bħalma jeħtieġ li tfittex il-kewkba t-tajba li tista’ tmexxik sabiex tilħaq id-destinazzjoni tiegħek, hekk ukoll fit-talb  bħal donnok tkun qed tħares lejn is-sema sakemm issib il-kewkba li ser tmexxik, dawk ix-xewqat li qegħdin jimmarkawlek it-triq. Imma jekk ma tiqafx tħares u tikkontempla dak li hemm f’qalbek mhux se tasal li ssibha t-triq tiegħek. Għax hu fix-xewqat l-iktar profondi tiegħek—prattikament, dak li jagħmlek min int, dak li jidentifikak u tidentifika ruħek miegħu u li jagħmlek differenti minn ħaddieħor, hemm fejn qalbek tistriħ—li tinsab moħbija r-rieda ta’ Alla għax dawn ix-xewqat poġġiehom hu stess fik—huma parti mill-identità tiegħek, mill-mod kif ġejt maħluq minnu. U allura tagħraf li tkun sibt il-post tiegħek fid-dinja. Fit-talb tisma’ fejn qiegħda tħabbat qalbek u tagħraf li hemmhekk qiegħda tħabbat Qalbu wkoll!