Is-Salib u l-ħolma ta’ Alla għalik

Fl-Evanġelju skont San Ġwann (kapitlu 17), Ġesù jagħlaq id-diskorsi tiegħu waqt l-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu permezz ta’ talba mqanqla lill-Missier kemm għad-dixxipli u kif ukoll għal dawk li għad jemmnu fih bis-saħħa tal-kelma tagħhom. Ġesù talab għalihom u għalija u għalik għax kien jaf li, ġaladarba m’aħniex ta’ din id-dinja, se nsibu t-tfixkil.

U, bħalma Ġesù ħolom ħolma ta’ mħabba għalija u għalik meta kien wasal biex jagħti ħajtu, hekk ukoll fil-pjan ta’ Alla għalik se jkun hemm affarijiet li se ssibhom iebsa, se jitolbu minnek sagrifiċċju u ċaħda personali. Fi kliem ieħor, se jitlob minnek li titla’ miegħu fuq is-salib, hi x’inhi l-ħajja li għaliha qiegħed isejjaħlek. Lill-Profeta Ġeremija, meta sejjaħlu, qallu li, qabel ma għażlu biex jibni u jħawwel, għażlu biex jaqla’ u jġarraf, jeqred u jħott (Ġer 1, 10). U Ġeremija tant isibha diffiċli li, f’punt minnhom jakkuża lil Alla li qarraq bih u allura xtaq li jgħolli kollox, imma fl-istess waqt fih kien hemm dan in-nar tal-imħabba ta’ Alla li kien kbir wisq biex iżommu magħluq ġewwa fih (Ġer 20, 7-9).

Issibha kemm issibha bi tqila, ftakar però li Ġesù fl-ebda punt mhu se jipprova jidħaq bik biex tagħmel li jrid hu. Mill-ewwel qallek:

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja.”

Luqa 9, 23

Il-ħolma ta’ Alla forsi tnissel ċertu biża’ fina. U din hija esperjenza mill-iktar umana li anke Kristu ħass meta kien affaċċjat bl-għażla fundamentali jekk, quddiem it-theddida għal ħajtu u l-passjoni imminenti, jaħrabx jew jibqax hemm. Imma Ġesù jikkonfronta din id-deċiżjoni permezz tat-talb. Għalhekk nagħlaq bil-kliem indirizzat speċifikament liż-żgħażagħ li bih għalaq l-omelija tiegħu l-Papa Benedittu XVI meta beda l-ministeru tiegħu:

Għeżież żgħażagħ: La tibżgħux minn Kristu!  Hu ma jeħdilkom xejn u jagħtikom kollox.  Min jingħata lilu, jirċievi għal mitt darba.  Iva, iftħu, iftħu beraħ il-bibien għal Kristu—u ssibu l-ħajja vera.  Ammen.

Benedittu XVI, Omelija fil-Bidu tal-Ministeru Petrin tal-Isqof ta’ Ruma (April 24, 2005)