San Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida

Fis-sena 2018, il-Papa Franġisku talab lill-Insara biex, matul ix-xahar ta’ Ottubru, fi tmiem it-talba tar-Rużarju, jitolbu t-talba lil San Mikiel Arkanġlu. Din it-talba miktuba minn Papa Ljun XIII ġiet miżjuda mat-talb li kollhom jingħadu mis-saċerdot fi tmiem il-quddies ta’ kuljum. Għalkemm l-obbligu ta’ dan it-talb fi tmiem il-quddies tneħħa fl-1964, xorta waħda din it-talba għandha qawwa speċjali. Il-papa qaddis Ġwanni Pawlu II, fil-messaġġ tiegħu waqt it-talba tar-Regina Caeli tal-24 ta’ April 1994, ħeġġeġ lill-Insara biex din it-talba ma jinsewhiex sabiex jiksbu l-għajnuna ta’ San Mikiel fit-taqbida kontra s-setgħat tad-dlamijiet u l-ispirtu ta’ din id-dinja.

Il-verżjoni bil-Malti ta’ din it-talba hija din li ġejja:

San Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida; kun int l-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa. Int l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema, itfa’ bil-qawwa ta’ Alla, fil-qiegħ tal-infern lix-xitan u l-ispirti ħżiena l-oħra li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien tal-erwieħ. Ammen.

Forsi l-lingwaġġ marbut mat-taqbid u l-gwerer jinstema’ jistona fil-kuntest ta’ Knisja li tħabrek għall-paċi fid-dinja. Imma fit-tradizzjoni tal-Knisja nsibu kemm-il darba riferiment għall-ħajja spiritwali bħala taqbida kemm magħna nfusna u man-natura tagħna inklinata lejn il-ħażin, imma wkoll taqtigħa mas-setgħat tal-ħażen li jagħmlu minn kollox biex ifixklu l-progress spiritwali. Dan niltaqgħu miegħu ħafna fil-kitbiet tal-missirijiet tad-deżert fl-ewwel millennju tal-Knisja. U l-ktieb klassiku ta’ din il-perspettiva fuq il-ħajja interjuri bla dubju huwa Il-Kumbattiment Spiritwali tas-saċerdot Lorenzo Scupoli, ippubblikat għall-ewwel darba f’Venezja fl-1589.

Filwaqt li rridu nevitaw interpretazzjonijiet Danteski, jew li nħossuna daqslikieku xi atturi f’xi film tal-biża’ jew dwar eżorċiżmi, inkunu qegħdin nitqarrqu jekk ninjoraw li din it-taqbida qiegħda hemm. Dan m’għandux inissel biża’ jew qtigħ il-qalb fina, imma huwa stedina biex nafdaw dejjem iktar fil-Mulej li tana lil San Mikiel bħala difensur kontra dak kollu li mhux ġej minn Alla.