Kun int l-għajnuna tagħna kontra t-tnassis tad-demonju

Fit-tieni frażi tat-talba lil San Mikiel Arkanġlu miktuba mill-Papa Ljun XIII—possibbilment wara viżjoni li kellu ta’ xjaten jaħbtu għal Knisja qatigħ—b’ħerqa nitolbu lil dan il-messaġġier qawwi ta’ Alla biex ikun l-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Hawnhekk, it-tentazzjonijiet tax-xitan huma mqabbla ma’ nases mitfugħin ’l hemm u ’l hawn bit-tama li ninqabdu f’xi waħda minnhom. Din is-sentenza pjuttist grafika ma tistax ma tfakkarniex f’dak li nsibu fl-Apokalissi dwar dan l-Arkanġlu Mikiel, il-protagonist u l-mexxej tal-eżerċti tas-sema fit-taqbida kontra d-Dragun (Apok 12, 7), narrattiva msejsa fuq dak li nsibu fil-Ktieb tal-Profeta Danjel (10, 13-21; 12, 1).

Partikularment fit-Testment il-Qadim, ta’ spiss insibu użati x-xbihat tax-xbiek jew ix-xibka li jservu ta’ nassa. Ix-xbiek huma simbolu tal-kastig jew tal-jasar. Daqqa huwa l-poplu l-magħżul li jaqa’ fix-xibka tal-idolatrija u l-pragmatiżmu politiku. Ġieli din il-kundanna hija mistqarra mil-leħen profetiku li jwassal kliem Alla. Drabi oħra hija talba mill-bniedem ġust jew mill-poplu stess biex jiġi meħlus mix-xibka tal-għedewwa. U, meta nsibuha f’Salmi ta’ tifħir u radd il-ħajr, dan għaliex is-Salmista jsebbaħ lil Alla talli sema’ l-karba tal-imġarrbin u ħenn għalihom, l-aktar fejn il-ġusti qegħdin ibatu bla ħtija, kif insibu f’Salm 124:

Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba.

Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej,

li għamel is-sema u l-art.

Salm 124, 7-8

Kultant il-ħajja tkun qisha xi medda art kollha mini li, xħin tirfishom, jesplodu. Imma jekk il-fiduċja tagħna npoġġuha f’dawk li għandhom il-qawwa jipproteġuna, huma jtajruna bħal għasafar sakemm naslu hemmhekk fejn hemm biss tajjeb, anzi: it-Tjubija nnifisha!

San Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida; kun int l-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa. Int l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema, itfa’ bil-qawwa ta’ Alla, fil-qiegħ tal-infern lix-xitan u l-ispirti ħżiena l-oħra li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien tal-erwieħ. Ammen.