L-ispirti ħżiena li jiġġerrew fid-dinja

Aħna l-Maltin għandna ħabta kif, meta l-affarijiet jibdew ġejjin ħażin fil-ħajja, arana mill-ewwel ngħidu li xi ħadd seħitna. Filwaqt li huwa mill-iktar normali li l-affarijiet ħżiena jinqalgħu—u jinqalgħu lil kulħadd, bla eċċezzjoni, minkejja li nippruvaw nipperswadu lilna nfusna mod ieħor biex iktar insaħħu l-argument tagħna—huwa wkoll minnu li t-theddida ta’ attakki minn spirti ħżiena hija reali u mhux frott l-immaġinazzjoni fertili tagħna.

Din it-theddida qed issir iktar u iktar reali għax qed ngħixu f’soċjetà li kulma jmur qed issir sekularizzata, mingħajr Alla, imma fl-istess ħin, għax il-vojt ta’ ħaġa jrid jimtela’ b’oħra, qed insiru iktar superstizzjużi u nirrikorru għal qawwiet okkulti u negattivi. Niċħdu l-possibbiltà tal-mirakli, imma arana sejrin għand persuni li jaqrawlna xortina jew jagħmlu sħarijiet u saħtiet f’isimna.

Għalkemm, kif irriflettejna fl-aħħar artiklu, huwa minnu li fuq Alla m’hemm ħadd, Alla ma jiċħdilna qatt il-libertà, hekk li lest joqgħod għalina anke jekk nobżqulu f’wiċċu, kif għamel Kristu fil-lejl ta’ qabel il-passjoni tiegħu għall-fidwa tagħna. Għaldaqstant, jekk aħna mqar inbexxqu l-bieb għal dak li ġej mill-ħażin, inkunu qed inpoġġu lilna nfusna f’periklu spiritwali kbir. Mhux ta’ b’xejn li, darba minnhom, Ġesù wissa lil dawk li kienu qed jisimgħuh:

“Meta l-ispirtu mniġġes joħroġ minn bniedem, huwa jmur jiġġerra u jfittex il-mistrieħ f’art niexfa, u billi ma jsibu mkien, jgħid, ‘Mela nerġa’ lura lejn dari mnejn ħriġt.’ U x’ħin jiġi, isibha miknusa u kollox f’postu. Imbagħad imur iġib seba’ spirti oħra agħar minnu, u jidħlu joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f’qagħda agħar minn ta’ qabel.”

Luqa 11, 24-26

Din it-twissija m’għandhiex għalfejn twaħħaxna. Anzi, trid timliena b’iżjed fiduċja f’Alla u fl-eżerċti tiegħu li jħarsuna bla heda u jitqabbdu magħna f’dan il-kumbattiment spiritwali li, kif darba Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu, wara li ma rnexxielhomx jeħilsu tifel minn spirtu mniġġes: “Spirtu bħal dak … ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb” (Mk 9, 29). Għalhekk ma naqtgħux qalbna, imma bil-ħerqa nibqgħu nitolbu:

San Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida; kun int l-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa. Int l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema, itfa’ bil-qawwa ta’ Alla, fil-qiegħ tal-infern lix-xitan u l-ispirti ħżiena l-oħra li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien tal-erwieħ. Ammen.