“Bagħathom tnejn tnejn …” – Aħwa fil-Martirju
It-Tielet Riflessjoni dwar il-kwadru tat-Trinità Qaddisa fil-Knisja ta’ San Lawrenz, il-Birgu
F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom, ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom’.”
Luqa 10, 1-3. 8-9
Wara li fir-riflessjoni ta’ qabel ikkontemplajna l-misteru tat-Trinità kif ippreżentat lilna fil-parti ta’ fuq tal-pittura, illum se niffukaw fuq il-parti t’isfel. Fl-isfond milmħu xenarju ta’ belt fil-bogħod taħt sema kaħlani miżgħud bis-sħab abjad. Dan jikkuntrasta mas-sħab kważi sewdieni li fuqu jserraħ il-Missier Etern bl-Iben f’ħoġru, u anke mal-ambjent donnu ta’ għar li fih nilmħu żewġ qaddisin martri, kif jixhdu d-djadema madwar rashom u l-palma f’idhom.
L-identità ta’ dawn iż-żewġ qaddisin mhijiex magħrufa. Jista’ jkun li huma San Kosma u San Damjan, aħwa tewmin mill-Għarabja li kienu tobba u ħadu l-martirju fis-Sirja waqt il-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu fil-bidu tar-raba’ seklu. Hemm min isostni li huma San Ġervasu u San Protasju, ulied tewmin ta’ ġenituri martri, li l-fdalijiet tagħhom ġew misjuba minn San Ambroġ wara ħolma li kellu, u li għalihom bena bażilika f’Milan fis-sena 386 u ordna li hu stess jiġi midfun ħdejhom wara mewtu, li seħħet fis-sena 397. Saħansitra hemm ukoll min isostni li jistgħu jkunu San Krispu u San Krispinjanu, aħwa wlied familja nobbli Rumana li ħarbu mill-persekuzzjoni lejn il-Gallja (Franza) fejn ħabbru l-Bxara t-Tajba lin-nies tal-post, waqt li billejl kienu jaħdmu ż-żraben sabiex isostnu lilhom infushom u jgħinu lill-foqra. Dawn ukoll ħadu l-martirju fi żmien l-Imperatur Djoklezjanu, probabbilment madwar is-sena 286.
Huma min huma, dawn iż-żewġ qaddisin ma jistgħux ma jfakkruniex fil-għażla li jagħmel Kristu li jibgħat lid-dixxipli tiegħu tnejn tnejn biex iħejjulu t-triq. Din kienet ukoll l-għażla tal-Knisja tal-bidu li, kif naqraw fl-Atti tal-Appostli, kienet tibgħat il-missjunarji tagħha tnejn tnejn sabiex ix-xhieda li jagħtu tkun imsaħħa mill-kelma ta’ tnejn. Nistgħu wkoll nistħajluhom bħaż-żewġ aħwa appostli, ulied Żebedew, li, meta waslet is-siegħa tagħhom, bħall-Imgħallem xorbu l-kalċi tal-martirju (Mt 20, 23; Mk 10, 38-39) u kisbu posthom madwar it-tron tal-grazzja sabiex ma’ sħabhom joqogħdu fuq tnax-il tron u jagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael (ara Mt 19, 28; Lq 22, 30).
L-anonimità ta’ dawn iż-żewġ qaddisin martri tagħmilha possibbli għalina biex nassoċjaw ruħna magħhom, filwaqt li niftakru f’dawk kollha li magħhom qegħdin niġu mibgħuta biex flimkien inkunu xhieda ta’ Kristu—ir-raġel jew il-mara tiegħek, il-familja, il-komunità reliġjuża, il-presbiterju, il-grupp ta’ spiritwalità, kollegi fuq il-post tax-xogħol. Rodd ħajr ta’ dawn il-persuni u itlob ’il-Mulej ifejjaq u jsaħħaħ dawn ir-rabtiet sabiex flimkien tassew tkunu xhieda ħajja tal-imħabba tiegħu.