Inbierku l-Mulej Alla, ħaj u veru

Fl-ewwel ġranet tax-xahar ta’ Ottubru—fir-raba’ jum—il-Knisja tiċċelebra t-tifkira ta’ San Franġisk ta’ Assisi. San Franġisk twieled madwar is-sena 1181 u ħalla timbru kbir fil-ħajja u t-tiġdid tal-Knisja li għadu ħaj sal-lum minkejja s-sekli li għaddew.

Fost il-ħafna kitbiet li ħalla l-qaddis serafiku, insibu wkoll għadd ġmielu ta’ talb jew eżortazzjonijiet għat-talb. Għaldaqstant, fil-ġimgħat li ġejjin se naraw ftit minn dawn it-talbiet, aħna u nkomplu l-mixja lejn is-sena tal-Ġublew bħala pellegrini tat-tama.

San Franġisk diversi drabi fformula talb magħmul minn ġabra ta’ versi mill-Iskrittura Mqaddsa. Fost dawn insibu L-Uffiċċju tal-Passjoni li hu kiteb għalih u għal ħutu li ssieħbu miegħu. Huwa uffiċċju devozzjonali li kien jingħad wara l-Liturġija tas-Sigħat, li dak iż-żmien kienet imqassma fuq tmien mumenti ta’ talb flok ħamsa, kif inhi mqassma llum.

Tassew ta’ ispirazzjoni huwa l-kliem li bih San Franġisk ta’ Assisi kien jagħlaq L-Uffiċċju tal-Passjoni:

Inbierku l-Mulej Alla, ħaj u veru, u nagħtuh dejjem it-tifħir, is-sebħ, l-ġieħ, il-barka, u kull ġid. Amen. Amen. Hekk ikun. Hekk ikun.

Nistgħu ngħidu li din it-talba hija sintesi ta’ dak li għalih kien jgħix dan il-qaddis. Kull nifs tiegħu kien att ta’ tifħir u barka. Kull sekonda kien jgħix dan bil-ħajja tiegħu stess.

Jalla anke l-eżistenza tagħna tkun għanja waħda u sħiħa ta’ tifħir lil Alla.