San Franġisk: Ħa trodd kull ħlejqa …

Ħa trodd kull ħlejqa li tgħix fis-smewwiet, fuq l-art, fil-baħar, u fl-abbissi, tifħir, glorja, ġieħ, u barka lil Dak li bata daqstant għalina, li tana u li ser jibqa’ jagħtina ġid daqshekk kotran għal li ġej, għaliex hu l-qawwa tagħna u s-saħħa tagħna. Hu li waħdu hu tajjeb, waħdu l-ogħla, waħdu li jista’ kollox, tal-għaġeb u glorjuż u hu waħdu qaddis, jistħoqqlu t-tifħir u mbierek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Hekk ħalla miktub il-qaddis serafiku fit-tieni ittra tiegħu indirizzata din id-darba mhux biss lil ħutu imma lill-Insara kollha. U wara dawn is-sekli kollha tibqa’ ġdida din l-istedina tiegħu li, bħala ħlejjaq, nissieħbu fit-tifħir lil Ġesù li bata daqstant għalina.

Imma din l-istedina għat-talb tibqa’ tfakkarna lil min jeħtieġ li nfaħħru u nkunu rikonoxxenti lejh għall-istess ħajja tagħna. Però din l-istedina titlob tweġiba mhux biss bħala persuni individwali, imma aħna u ntennu t-tifħir, il-ġieħ, u l-barka lill-Mulej, talbna saħansitra jagħti leħen lill-ħolqien kollu li flimkien magħna “għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas” fl-istennija tal-adozzjoni ta’ wlied u l-fidwa ta’ ġisimna (ara Rum 8, 22-23). Wara kollox, kif insibu f’għeluq l-Evanġelju skont San Mark, qabel tlugħ il-Mulej fis-sema, hekk ordnalhom lill-Ħdax: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16, 15).

Din l-istedina tal-fqajjar ta’ Assisi mhijiex xi ħaġa iżolata. Anke fl-Iskrittura Mqaddsa nsibu din l-insistenza fuq it-tifħir tal-ħolqien kollu.  F’Salm 145 nistqarru: “Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej” (v. 10). Saħansitra l-aħħar Salm jagħlaq proprju b’dan il-kliem: “Kulma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-Mulej!” (Salm 150, 6). Lanqas ma nistgħu nħallu barra t-talba kollha ħrara li jagħmlu t-tliet żgħażagħ Lhud li jiġu mitfugħin fil-forn tan-nar minn Nabukodonosor, Sultan tal-Babilonja, għax irrifjutaw li jqimu l-idolu tad-deheb li waqqaf. F’dan ir-rakkont li nsibu fit-tielet kapitlu tal-Ktieb tal-Profeta Danjel, wara li jistqarru l-ħtijiet tal-poplu tagħhom li minħabba fihom sab ruħu eżiljat, dawn it-tliet żgħażagħ jinfexxu f’għanja ta’ tifħir lil Alla li fiha jistiednu lill-ħlejjaq kollha biex ifaħħruh u jgħolluh fuq kollox għal dejjem.

Huwa f’dan l-ispirtu li ma’ San Franġisk nistgħu ntennu L-Għanja tal-Ħlejjaq fil-versi li ġejjin.

L-Aktar għoli, Mulej twajjeb, li tista’ kollox

tiegħek is-sebħ, il-glorja u l-ġieħ u kull barka.

Lilek biss, l-Aktar għoli, jixirqu

u l-ebda bniedem mhu denn imqar ilissen.

Tifħir lilek, Mulejja, għall-ħlejjaq kollha,

l-aktar oħtna x-xemx,

li twelled il-jum u biha tagħti d-dawl

u hija sbejħa u tgħammex b’dija sfiqa!

Tixbaħ lilek, l-Aktar Għoli.

Tkun imfaħħar,

Mulejja, f’ħuna l-qamar u l-kwiekeb,

li fis-sema sawwarthom ileqqu, għonja u sbieħ.

Tkun imfaħħar,

Mulejja, f’ħuna r-riħ,

u fl-ajru msaħħab, fil-bnazzi u f’kull xorta ta’ temp,

li bihom int tgħajjex kull maħluq.

Tkun imfaħħar,

Mulejja, f’ħuna l-ilma,

hekk meħtieġ u umli, siwi u safi.

Tkun imfaħħar,

Mulejja, f’ħuna n-nar,

li bih, int, iddawwal il-lejl,

u hu sbejjaħ u lagħbi, godli u qawwi.

Tkun imfaħħar,

Mulejja, f’oħtna u ommna l-art,

li tgħajjixna u tmexxina,

u tagħti kull xorta ta’ frott ma’ ward u ħxejjex imlewna.

Tkun imfaħħar, Mulejja,

f’min lest jaħfer għal imħabbtek,

u f’min iġarrab mard u tbatija.

Hienja dawk jġarrbu kollox fis-sliem

għax minnek, l-Aktar Għoli, ikunu inkurunati.

Tkun imfaħħar,

Mulejja, f’oħtna l-mewt tal-ġisem,

li minnha l-ebda ħaj ma jista’ jaħrab.

Ħażin għal min imut fid-dnub il-mejjet.

Hienja dawk li l-mewt issibhom jagħmlu r-rieda mqaddsa tiegħek,

għax il-mewt l-oħra ma tagħmlilhom l-ebda ħsara.

Faħħru u bierku lil Mulejja, u roddlu ħajr,

u aqduh bl-akbar umiltà.