It-Titular maqsum f’biċċiet

L-Ewwel Riflessjoni dwar it-titulari tal-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid

Sliem għalik, o Vergni Mqaddsa,

l’Inti dehert lil Bernardina

ġewwa l-grotta minn ta’ Lourdes,

biex imħabbtek int turina.

Kurunella tal-Madonna ta’ Lourdes

Fid-dehriet kollha tal-Madonna bla dubju tispikka l-insistenza tagħha fuq il-ħtieġa li nitolbu r-Rużarju. Għalkemm huwa talba Marjana, il-misteri li jiġu kkontemplati jduru madwar il-misteru ta’ Kristu Bin Alla u Binha. Fost id-dehriet l-iktar magħrufa u li tiġbed devozzjoni minn madwar id-dinja hija proprju dik li Marija tagħmel għal 18-il darba ġewwa Lourdes fi Franza lil tfajla sempliċi, Santa Bernardina Soubirous, bejn il-11 ta’ Frar u s-16 Lulju 1858.

Għaldaqstant, fil-ġimgħat li ġejjin se nibdew sensiela ta’ riflessjonijiet misluta mill-pittura titulari tal-Parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid, li bħalissa qed tfakkar il-50 sena mit-twaqqif tagħha. Dan il-kapulavur ta’ Emvin Cremona huwa uniku fil-forma tiegħu għax huwa maqsum f’disa’ biċċiet flok kwadru wieħed sħiħ. Għalkemm kull parti hija distinta mill-oħrajn permezz ta’ spazju vojt li fih jidher il-ħajt fejn huma mdendlin, fl-istess waqt l-ebda waħda ma tirrakkonta l-ġrajja kollha tad-devozzjoni, id-dehriet u l-mirakli mingħajr il-biċċiet l-oħra.

Din il-forma oriġinali tat-titular ta’ din il-parroċċa tfakkarna fit-tensjoni bejn il-partijiet u s-sħiħ, bejn il-kollox u l-biċċiet. Il-Papa Franġisku jitkellem dwar din it-tensjoni fl-Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Evangelii Gaudium f’paragrafi 234 sa 237. Għalkemm jikteb ċar li “l-kollox hu aqwa mill-parti,” madanakollu l-kollox—dak li hu ikbar, l-istampa iktar sħiħa tar-realtà ta’ spiss ippreżentata b’mod frammentat—jeħtieġ li jġib il-partijiet kollha flimkien mingħajr ma jiġu eliminati. Tant hu hekk li, bħala xbieha li fuqha rridu nimxu, Papa Franġisku jwarrab il-globu jew l-isfera u jadotta l-mudell tal-priżma—jew djamant, jekk irridu kelma iktar familjari—li fil-ħafna faċċati tagħha tirrifletti f’ħafna kuluri d-dawl abjad li jidħol fiha.

L-ebda esperjenza ma tista’ tiġi ġġudikata mingħajr il-kuntest tagħha. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mifhumha mingħajr l-ambjent li fih jgħix. L-ebda poplu ma jista’ jiġi mifhum mingħajr l-art li fiha jgħammar u l-istorja li sawritu. Anke l-esperjenza Nisranija: L-ebda Nisrani ma jista’ jkun Nisrani waħdu imma dejjem parti minn familja, mill-Knisja. U lanqas il-Knisja ma nistgħu nfissruha b’aspett wieħed biss għax il-Knisja ma teżistix fl-ajru imma fil-ġabra flimkien ta’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu.

L-esperjenza ta’ frammentazzjoni—jew tal-biċċiet—hija ferm qrib tagħna bħala bnedmin u bħala Nsara: inħossni mifrud fija nnifsi; inħossuna mifrudin bejnietna; saħansitra ninsabu maqsumin fi knejjes jew denominazzjonijiet differenti … Ieqaf ftit aħseb fuq din l-esperjenza mill-iktar eżistenzjali. Tħallix lilek innifsek taħseb f’soluzzjonijiet ta’ malajr jew taqa’ fil-qtigħ il-qalb. Afda dan kollu f’riġlejn Marija għax, bħalma Alla ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu, hekk ukoll hi tħares lejna sabiex tqabbadna t-Triq waħda li hi Kristu.