B’Libsa Bajda u Faxxa Kaħla

It-Tieni Riflessjoni dwar it-titulari tal-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid

Lilha dehert tmintax-il darba

bħala xemx tiddi bid-dija,

b’libsa bajda u faxxa kaħla

kollok ħlewwa u sbuħija.

Kurunella tal-Madonna ta’ Lourdes

Il-fus tal-pittura titulari tal-Madonna ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid—li ġiet irrestawrata madwar sentejn ilu—huwa bla dubju l-figura ta’ Marija fit-tila ċentrali. Din il-parti ċentrali għandha għamla tawwalija u dejjaq sabiex tinkorpora fuqha kemm in-“niċċa” li fiha dehret il-Madonna lil Santa Bernardina fuq l-għar ta’ Massabielle u kif ukoll daħla tonda oħra iżgħar u l-blat ta’ fuqu li jservi ta’ sies għall-Bażilika tal-Immakulata Kunċizzjoni—magħrufa bħala l-Bażilika ta’ Fuq—li l-istil Gotiku tagħha jagħtik l-impressjoni li l-binja hi ħierġa mill-blat, donnha minquxa fih.

Filwaqt li juża l-iskala ta’ lwien sottili u delikati daqstant tipika tiegħu, Emvin Cremona josserva b’fedeltà d-deskrizzjoni li Santa Bernardina tat tas-“Sinjura” li dehritilha għal 18-il darba: tfajla żagħżugħa mhux daqstant twila—ukoll jekk id-djuq tat-tila jqarraq xi ftit bina u jagħtina l-impressjoni ta’ figura ikbar—liebsa l-abjad u b’faxxa kaħla marbuta madwar qaddha, b’warda dehbiena fuq kull sieq, u b’kuruna tar-Rużarju bil-katina tal-istess lewn u b’żibeġ bojod. Cremona jpoġġi fuq ras Marija kuruna ppuntata lewn id-deheb, tixbah lill-kuruna li tpoġġiet fuq ix-xbieha tal-Madonna ta’ Lourdes fil-pjazza ewlenija tas-santwarju.

Meta nħadmet l-istatwa li tpoġġiet fl-għar, fil-post fejn dehret il-Madonna, Bernardina kienet diżappuntata għax il-figura ma kinitx taqbel mad-deskrizzjoni tagħha tas-Sinjura, partikularment fil-korporatura u fl-età. U, ngħiduha kif inhi, wara l-ġmiel tad-dehra, qajla Bernardina setgħet tikkuntenta ruħha bi xbieha. Fil-ħarsa serena ta’ Marija lejn Bernardina u tat-tfajla lejn il-Madonna, nistħajjel li Cremona jipprova jikxef xi ftit min-nuqqas ta’ ħila tal-moħħ uman biex jifhem.

San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, jagħlaq il-kantiku tal-imħabba b’din l-istqarrija:

Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar,

imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ.

Issa nagħraf biċċa,

imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa.

1 Korintin 13, 12

Omgħod ftit dan il-kliem u ħalli l-ħlewwa tiegħu ddur f’qalbek bit-tama li fl-istonku tiegħek tinżel biżżejjed vitamina ta’ tama li tagħtik il-ħajja u żżommok iffukat fuq il-vjaġġ lejn id-dehra tal-ġmiel bla qies u bla tmiem.