Arka tar-Rabta l-Ġdida: Marija u t-Tabernaklu
It-Tielet Riflessjoni dwar it-titulari tal-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid
Sadattant, bħalma Omm Ġesù fis-sema, fejn hi diġà fil-glorja bir-ruħ u l-ġisem, hija l-bidu u x-xbieha tal-Knisja kif għad tkun ipperfezzjonata fiż-żmien li ġej, hekk ukoll hija, fuq din l-art, sakemm jasal jum il-Mulej (ara 2 Pt 3,10), bħal sinjal jiddi ta’ tama żgura u ta’ faraġ għall-poplu ta’ Alla fil-mixja tiegħu lejn is-sema.
Konċilju Vatikan II, Lumen Gentium, par. 68
Dan il-kapulavur ta’ Emvin Cremona mhux biss għandu l-elementi tipiċi tal-artist li jpitter bi stil kontemporanju bla ma jitlef xejn mis-sbuħija li tqanqal devozzjoni, imma wkoll hu mwaħħal f’post tassew partikolari. Bħala titular jinsab fil-post fejn normalment ikun il-kwadru titulari fi knejjes oħra, jiġifieri fuq il-ħajt ta’ wara l-altar. Imma taħt il-kwadru ċentrali, fejn hemm ix-xbieha tal-Madonna, insibu t-tabernaklu, fejn tinżamm b’qima l-Ewkaristija—forsi l-istess bħalma fis-Santwarju ta’ Lourdes insibu altar fl-għar fejn dehret is-Sinjura.
Dan it-tabernaklu għandu storja interessanti. Għalkemm l-altar tal-parroċċa tal-Kristu Re għandu l-għamla ta’ mejda li tista’ ddur miegħu dawra tond u l-wiċċ huwa kollu kkonsagrat, oriġinarjament kellu wkoll fuqu t-tabernaklu u l-iskannelli (l-ixkafef għall-gandlieri) fin-nofs tal-wiċċ hekk li xorta waħda kien jintuża fil-forma ta’ altar Tridentin. It-tabernaklu kien kbir biżżejjed biex seta’ jinfetaħ sew min-naħa ta’ quddiem—li fuqha kien jitqaddes il-quddies ad orientem—u sew min-naħa ta’ wara. Filwaqt li l-iskannelli llum jinsabu fuq l-altar tas-Sagrament fil-Bażilika ta’ Kristu Re, it-tabernaklu kien hekk fond li seta’ jinqasam sabiex nofsu jibqa’ fil-Bażilika ta’ Kristu Re u n-nofs l-ieħor tpoġġa fil-Knisja tal-Madonna ta’ Lourdes.
Ir-rabta simbolika bejn Marija u t-tabernaklu hija pjuttost ovvja: għal disa’ xhur il-ġuf ta’ Marija kien bħal tabernaklu ħaj li fih tnisslet bħala bniedem u nġarr b’għożża t-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa. Fil-Litanija ta’ Loretu nsellmu lil Marija bħala Arka tar-Rabta l-Ġdida proprju minħabba f’dan il-misteru tal-għaġeb. U, permezz tas-Sagrament tal-Ewkaristija, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem isir ukoll ikel għalina hekk li aħna wkoll insiru ‘tabernakli’ ħajja li nġorru magħna l-preżenza tiegħu kull fejn immorru. Kultant mhux faċli li nibqgħu niftakru fil-preżenza ta’ Alla ħajja fina. Imma kemm ikun ta’ barka għalina u għall-oħrajn jekk kontinwament infakkru lilna nfusna li bħal Marija aħna wkoll nistgħu nsiru strumenti sabiex titwassal is-salvazzjoni għand dawk li l-Mulej irid jilħaq permezz tagħna.