“Morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu!”

Ir-Raba’ Riflessjoni dwar it-titulari tal-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid

“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.

Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.

Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.

Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.

Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.

Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.

Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.

Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet. Hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom.”

Mattew 5, 3-11

Wara li flejna l-figura ċentrali ta’ Marija, issa jmiss li nagħtu ħarsa lejn iż-żewġ kwadri l-kbar mimlijin persuni li nġabru flimkien ma’ Santa Bernardina sabiex jagħtu l-ġieħ tagħhom lil Marija li dehret tant qrib tal-imkejjen fqajra li fihom kienu jgħammru. Iżda mhux l-abitanti foqra biss kienu preżenti tul it-18-il dehra. Ma’ kull ġurnata bdew jiżdiedu nies minn kullimkien u minn mixjiet differenti tal-ħajja hekk li xi drabi kien hemm saħansitra eluf preżenti. Xi wħud kienu jmorru hemm b’fiduċja fil-kelma ta’ din ir-ragħajja żagħżugħa li waħedha kienet tara lis-Sinjura ta’ ġmiel liema bħalu. Oħrajn kienu mmotivati mill-kurżità, filwaqt li kien hemm dawk li kienu xettiċi jew saħansitra ostili.

Ix-xena li jinsġu flimkien iż-żewġ kwadri mimdudin turina bħal donnu kju fuq il-lemin u x-xellug ta’ Madonna. L-irġiel ilkoll mingħajr kappell—wieħed mill-irġiel jidher qed iżomm kappell f’idu—u n-nisa lkoll bil-velu madwar rashom, xhieda tal-qima lejn dan il-fenomenu tal-għaġeb li kien qed iseħħ u ħerqana biex jisimgħu dak li s-Sinjura kellha xi tgħid lil Santa Bernardina u ħerqana li jkun hemm ukoll kelma ta’ grazzja għalihom. Fit-tarf tax-xellug jidher raġel donnu liebes abitu reliġjuż u qiegħed iżebbeġ il-kuruna.

Fuq il-lemin, il-ħames figura—jekk tibda tgħodd mill-persuna l-eqreb lejn iċ-ċentru—hija ta’ raġel zopp iserraħ fuq krozza. U fit-tarf tal-istess kwadru naraw żewġt irġiel, wieħed dahru lejna u qed jipponta b’sebgħu ’l isfel, u l-ieħor b’leħja pulita skura jħares lejn fejn qed tidher il-Madonna—fatturi li jistgħu jagħtuna x’nifhmu li ma kienx tal-istess klassi soċjali tal-bqija. Din il-parti tal-pittura hija pjuttost imdallma meta mqabbla mal-kumplament tax-xena. Permezz ta’ dawn iż-żewġ figuri, Cremona jinkludi wkoll lill-osservaturi xettiċi jew ostili li kienu hemm biex jinvestigaw il-fenomenu, hekk li tassew nistgħu ngħidu li għandna dehra inklussiva tal-umanità kollha.

Dan ix-xenarju jfakkarna fil-parabbola tal-festa tat-tieġ li sultan jagħmel għal ibnu li għaliha ġew mistiedna dawk kollha l-qaddejja sabu fit-triqat, sew ħżiena u sew tajbin (ara Mt 22, 9-10), partikularment il-foqra u l-magħtuba u l-għomja u z-zopop (ara Lq 14, 21). Hija l-ġemgħa ta’ dawk li Kristu jsejjaħ hienja fil-Beatitudnijiet (ara Mt 5, 3-12):  il-foqra, l-imnikkta, dawk li kienu qalbhom ħelwa u safja u miftuħa biex setgħu jilqgħu l-wirt tal-grazzja li Marija riedet tqassam fuq l-umanità permezz tad-dehriet tagħha, saħansitra dawk ippersegwitati—għalkemm ma ċedietx, Bernardina ma ġietx dejjem emmnuta u saħansitra kienet ostakolata kemm-il darba biex tersaq lejn l-għar ta’ Massabielle.

Dawn il-barkiet li Kristu jwiegħed lil dawk li jimxu warajh jitħabbru lilna ta’ kull sena fl-1 ta’ Novembru, Solennità tal-Qaddisin Kollha. Nistgħu ngħidu li, sew jekk b’mod reali u sew jekk b’mod figurattivi, il-qaddisin huma din il-ġemgħa mħallta li tiġi milqugħa fil-festa tat-tieġ ta’ dejjem. Il-qaddisin huma bnedmin mill-mixjiet kollha tal-ħajja li madankollu jgħaqqdu t-triq tagħhom, kollha bil-mod tagħhom, mat-Triq li hija Kristu. U, barra dan, meta nistqarru t-twemmin fix-xirka tal-qaddisin, ma’ dawn il-persuni ninkludu wkoll il-ġemgħa tagħna li għadha pellegrina fuq l-art hekk li jidhru għadhom mixjin, f’moviment.

X’idea għandek tal-qaddisin? Min huma l-qaddisin li bħala sħabek fil-għaqda ta’ dawk li jemmnu fi Kristu tirrikorri għandhom biex jitolbu għalik? Tiftakar ukoll f’persuni li għext magħhom jew kont tafhom u li għexu ħajja Nisranija ġenwina hekk li titlob l-interċessjoni tagħhom?