San Franġisk: Nadurawk, o Ġesù, fit-tabernakli tad-dinja kollha

Talba oħra sempliċi imma tassew profonda ta’ San Franġisk hija dik li ta’ spiss nisimgħu tingħad fi knejjes Franġiskani f’att ta’ adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija:

Nadurawk, o Ġesù, hawn preżenti fis-Sagrament Imqaddes

u fit-tabernakli tad-dinja kollha.

Din it-talba nsibuha fl-ewwel taqsima tat-testment ta’ San Franġisk, fejn jirrakkonta l-ewwel snin ta’ ħajtu wara l-konverżjoni tiegħu. Din it-talba jinkwadraha fil-kuntest tal-laqgħa tiegħu mal-lebbruż u fil-penitenza li wettaq fosthom hekk li fihom wasal biex tassew jara lill-Mulej miġrugħ bil-mard tagħna u jadurah:

Il-Mulej ta lili, fra Franġisk, il-grazzja li nibda nagħmel penitenza hekk: għaliex, billi jiena kont ngħix fid-dnub, id-dehra tal-imġiddmin kienet għalija wisq ta’ min jistmerrha. Iżda l-Mulej innifsu mexxieni f’nofshom, u jiena wrejt ħniena magħhom. U wara li qdejt dmiri, dak li qabel deherli li hu morr, inbidel għalija fi ħlewwa għar-ruħ u għall-ġisem; u mbagħad, qagħad ftit, u ħriġt fid-dinja. u l-Mulej tani fidi hekk kbira fil-knejjes li jiena, bla tlellix ta’ xejn, kont nitlob u ngħid: “Nadurawk, Sidna Ġesù Kristu, hawn u fil-knejjes kollha tiegħek, li jinsabu fid-dinja kollha, u nberkuk, għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.”

F’din it-talba jispikka aspett ieħor ta’ universalità fl-ispiritwalità tal-qaddis fqajjar ta’ Assisi. Fit-tradizzjoni liturġika Nisranija, it-talb isir f’direzzjoni partikulari fiżika imma wkoll spiritwali: partikularment iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija ssir ad orientem—lejn il-Lvant—ukoll jekk id-direzzjoni tal-altar jew tal-ġemgħa u l-qassis tkun differenti. Il-knejjes kienu jinbnew fid-direzzjoni tal-Lvant sew biex jimmassimizzaw l-użu tad-dawl naturali tax-xemx li ssebbaħ il-jum minn dik in-naħa, u iktar u iktar għax is-sagrifiċċju ta’ filgħodu jħares lejn Kristu Rxoxt, ix-Xemx tal-ġustizzja. Fil-Mediterran, fejn stabbilixxiet ruħha l-ewwel il-fidi Nisranija, il-ħarsa lejn il-Lvant hija wkoll ħarsa lejn fejn seħħ il-misteru tal-fidwa. Dan l-element insibuh ukoll fl-Iżlam fejn it-talb isir fid-direzzjoni ta’ Mekka.

Mill-banda l-oħra, fil-ġakulatorja ta’ San Franġisk l-att ta’ adorazzjoni lill-preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija jinfirex ma’ wiċċ l-art kollha, kull fejn hemm il-Knisja, kull fejn hemm din il-preżenza ħajja u li tagħti l-ħajja. Dan l-istess att universali ta’ adorazzjoni nsibuh fil-bidu tat-Tielet Talba Ewkaristika fejn, imnebbħa minn Salm 113, 3, iċ-ċelebrant jindirizza lill-Missier bil-kliem:

Qaddis tassew int, Mulej,

u jistħoqqlok it-tifħir tal-ħolqien kollu,

għax b’Ibnek Ġesù Kristu Sidna

u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu

inti tagħti l-ħajja,

kollox tqaddes,

u tibqa’ dejjem tiġbor għalik poplu

biex, minn tlugħ ix-xemx sa nżulha,

issirlek offerta safja.

Jalla f’qalbna wkoll ikollna din il-ħarsa universali li tinkludi lill-umanità kollha, anzi lill-ħolqien kollu, fil-ħarsa fissa lejn Kristu, ix-Xemx tat-Tama li jdawwalna u jiġbidna lejh sabiex ilkoll naslu għandu.