San Franġisk: Immut għall-imħabba tal-imħabba tiegħek

F’dawn l-aħħar ġimgħat rajna diversi talbiet minsuġin minn San Franġisk. Dawn kienu biss togħma tal-ispiritwalità tiegħu. Però hemm talba Medjevali—magħrufa bl-isem Latin tagħha Absorbeat—li kienet ferm għażiża għalih:

Ħa taħtaf, nitolbok, o Mulej, il-qawwa mkebbsa u ħelwa tal-imħabba tiegħek il-ħsieb tiegħi minn dak kollu li hu taħt is-sema, sabiex immut għall-imħabba tal-imħabba tiegħek, kif int għoġbok tmut għall-imħabba tal-imħabba tiegħi.

Għalkemm mhijiex kitba ta’ San Franġisk, huwa tassew tal-għaġeb il-mod kif din it-talba jirnexxilha taqbad l-ispirtu ta’ dan il-qaddis li sar jixbah daqstant lill-Imgħallem waħdieni tiegħu li saħansitra rċieva l-marki tal-passjoni tiegħu f’ġismu proprju 800 sena ilu, f’Settembru tal-1224 fuq il-muntanja La Verna, bħala sinjal tat-twaħħid għal kollox tiegħu miegħu.

Probabbilment m’għandniex il-kuraġġ li nitolbu sehem fis-sofferenzi tal-Mulej bħalma kellha l-qalb imkebbsa bl-imħabba tal-fqajjar ta’ Assisi. Imma hija din il-qabża li lkoll jeħtieġ li nagħmlu sabiex minn ħajja Nisranija medjokri naqbdu t-triq tad-dixxipli ta’ Kristu kif għamlu l-qaddisin. Aħna u nibdew dan ix-xahar ta’ Novembru li fih nirriflettu fuq il-mewt u l-qawmien, jalla mat-talb ikollna wkoll il-kuraġġ li f’riġlejn il-Mulej inpoġġu l-uġigħ u t-tbatijiet li kull wieħed u waħda minna nġorru għall-ġid tal-Knisja u għas-salvazzjoni tal-bnedmin.