Figuri bla skop jew hemm tifsira fir-rabta tagħhom?
L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Kwadru ta’ San Leonardu, miżmum fil-Mużew tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
Salm 34, 5-7
minn kull biża’ tiegħi ħelisni.
Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.
Jingħad li Alla meta jista’ jinqeda b’miraklu żgħir ma jinqedix b’wieħed kbir, u hekk naraw li meta jista’ jinqeda b’messaġġ sempliċi ma jinqedix b’wieħed kumpless. Allura, x’sens akbar jagħmel dak li ta’ kull sena huwa mistqarr fl-Exultet: “Xi ħtija hienja kienet, ladarba stħaqqilha Feddej kbir bħal dan!” Biex nifhmu aħjar, il-ħtija riedet tkun kbira wisq biex kienet teħtieġ lil Kristu b’salvatur. Huwa dan li donnu jgħidu l-fibri ta’ kwadru, darba titular tal-kappella ġuspatronat iddedikata lil San Leonardu, li jintisġu f’messaġġ li bih nifhmu ftit aħjar il-grazzja divina u l-ġustizzja. U dan jorbot tant tajjeb mat-tema eskatoloġika li timmarka t-tmiem ta’ sena liturġika u l-bidu ta’ oħra, jiġifieri dik id-dimensjoni tal-ħajja Nisranija li tifrex il-ħarsa lil hinn mill-mewt lejn l-eternità.
Din il-pittura għadha kemm ġiet irrestawrata u tinsab ippreservata fil-Mużew tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar. Il-kappella fejn kien dan il-kwadru tinsab fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Barkat fil-limiti ta’ Ħaż-Żabbar, li sfortunatament hija fi stat dilapidat għalkemm għadha parzjalment wieqfa. Din il-kappella nbniet minn Leonardo Sammut fl-1654, u l-kwadru jissemma fl-1659 b’deskrizzjoni mill-isbaħ mill-Isqof Balaguer Camarasa waqt viżta pastorali li għamel f’Ħaż-Żabbar. Id-deskrizzjoni tgħid li l-kwadru kellu fuq il-parti ċentrali ta’ fuq x-xbieh tal-Madonna bil-Bambin fi ħdanha—indikata bil-kelma Latina ‘Deiparae’, li hi fil-ġenitiv biex turina li hija tal-Madonna ġġorr il-Bambin. Fil-parti ta’ isfel insibu lil San Mikiel u lil San Leonardu.
Il-kuntrasti tal-kuluri, li skappaw ir-rovina tal-kappella, nisimgħuhom bħal ikellmuna. Mingħajr il-messaġġ dwar il-ġustizzja fit-tifsira vera tagħha, il-figuri tal-Madonna bil-Bambin fiċ-ċentru, San Mikiel fuq il-lemin u San Leonardu fuq ix-xellug, kienu jkunu figuri bla viżjoni li jfissru ftit li xejn. Iżda hija l-għajn kritika li bil-paċenzja tistħajjel tifhem b’mod aktar profond dan l-istess kwadru.
Ieqaf ftit u ħares fis-skiet lejn dan il-kwadru ta’ kwalità artistika għolja. U isma’ x’għandhom x’jgħidulek dawn il-figuri bil-ħarsiet tal-għajnejn differenti tagħhom u n-nisġa tal-kuluri li toħloq bihom arazz ta’ mħabba li tfittex is-sewwa u ta’ ġustizzja li tħobb.
Ħajr lil Manuel Ciantar u Suzanne Ciantar Ferrito f’isem Amy Sciberras Conservators għar-ritratt.