It-Tieni Adam li jċarrat is-Sema

It-Tielet Riflessjoni dwar il-Kwadru ta’ San Leonardu, miżmum fil-Mużew tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar


Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej,
u min-nies bla tjieba ddefendi l-kawża tiegħi;
min-nies qarrieqa u ħżiena eħlisni.
Inti l-kenn tiegħi, o Alla;
għaliex warrabtni?
Għax għandi ngħix imdejjaq
taħt it-tagħkis tal-għadu?

Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek;
huma jmexxuni;
iwassluni sl-għolja mqaddsa tiegħek
u sal-għerejjex tiegħek.
U nidħol ħdejn l-artal ta’ Alla,
ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.
U rroddlok ħajr biċ-ċetra,
o Alla, Alla tiegħi.

Salm 43, 1-4

Jekk fil-parti t’isfel tal-kwadru, fejn hemm il-qaddisin, naraw fiha l-aspett tal-muntanji, l-art nieqsa mill-frott u s-sħab li jsaltan, fin-naħa ta’ fuq donnu din il-konfużjoni eżistenzjali f’daqqa waħda tiċċarrat hekk kif l-artist jintroduċi l-viżjoni beatifika ta’ Marija Santissima bil-Bambin fi ħdanha. Huwa dan il-fuq li jagħqad flimkien il-kwadru b’ mod sħiħ u jagħtina l-messaġġ li neħtieġu. Nintebħu bil-qerda tad-dlamijiet mhux biss minħabba fid-dawl li jsaltnu fuq l-isfond tal-viżjoni beatifika, iżda l-iktar għax f’idejn il-Bambin naraw it-tuffieħa li tfakkarna fil-frotta tal-waqgħa ta’ Adam u fl-istess waqt tfakkarna fi kliem San Pawl: “fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rum 5, 20) permezz ta’ Kristu li huwa t-tieni Adam.

Il-loġika umana ssibha diffiċli tifhem din il-ġustizzja tal-imħabba. Issibha diffiċli tifhem kif min jiġi fl-ewwel siegħa u min fl-aħħar siegħa, ilkoll jingħataw l-istess ħlas, kif jiġri fil-parabbola ta’ Mattew dwar is-sid li f’ħinijiet differenti tal-ġurnata joħroġ ifittex ħaddiema biex jaħdmu fl-għalqa tad-dwieli (Mt 20, 1-16). Donnu li sa fl-aħħar f’din il-pittura naraw d-djalogu bejn il-grazzja divina b’ordni lil San Mikiel biex iċedi l-miżien tal-liġi morali mhux biex taqa’ din l-liġi iżda biex titwettaq liġi akbar, jiġifieri il-liġi tal-imħabba, hekk kif l-istess parabboli ma jibqgħux iddivorzjati minn xulxin fi stejjer differenti iżda jingħaqdu f’vokabularju ġdid tal-ħniena li jitlob mhux il-qerda tal-ħatja iżda l-konverżjoni.

Qed tħalli din il-viżjoni sħiħa tar-realtà tmexxik, sew fil-konfront tiegħek innifsek quddiem Alla, sew fil-konfront ta’ ħutek? L-ikbar kmandament mhuwiex ġustizzja mifhuma bħala retribuzzjoni, imma jibqa’ dejjem dak tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, li fl-istess waqt ma jistgħu qatt jiġu mifruda minn sens ta’ ġustizzja qaddis li ma jfittix il-mewt imma jħabrek sabiex ifejjaq, jikkoreġi, u jagħti l-ħajja.

Ħajr lil Manuel Ciantar u Suzanne Ciantar Ferrito f’isem Amy Sciberras Conservators għar-ritratt.