La tistmerrx it-talb tagħna fi ħtiġijietna

It-talba tas-Sub Tuum Praesidium, partikularment bil-frażi “La tistmerrx it-talb tagħna fi ħtiġijietna,” tesprimi l-fiduċja tal-Poplu ta’ Alla fil-qawwa tat-talb ta’ Marija. Din il-persważjoni tal-Knisja fil-qawwa speċjali tal-interċessjoni ta’ Marija kompliet tiżviluppa fis-sekli ta’ wara u hija parti mit-twemmin tagħna. Fil-fatt, meta jikkummenta fuq l-episodju tat-tieġ ta’ Kana fl-Enċiklika Redemptoris Mater (Omm il-Feddej), San Ġwanni Pawlu II josserva li:

Marija tidħol bejn Binha u bejn il-bnedmin fil-realtà tal-ħtiġijiet, tan-nuqqasijiet u tat-tbatijiet tagħhom. Tidħol “fin-nofs” jiġifieri tagħmilha ta’ medjatriċi mhux bħala xi waħda barranija imma bħala omm, għax taf li bħala omm tista’—anzi “għandha d-dritt”—li turi lil Binha l-ħtiġijiet tal-bnedmin. Il-medjazzjoni tagħha, għalhekk, għandha sura ta’ talba: Marija “titlob” għall-bnedmin.

Ġwanni Pawlu II, Redemptoris Mater, Enċiklika dwar l-Imqaddsa Verġni Marija fil-Ħajja tal-Knisja Pellegrina (Marzu 25, 1987), par. 21

Hu għalhekk li “fil-Knisja l-Verġni mbierka tissejjaħ bl-ismijiet ta’ Avukata, Awżiljatriċi, Għajnuna, u Medjatriċi” (ara Konċilju Vatikan II, Lumen Gentium, par. 62).

Fl-istess waqt, tajjeb li nżommu f’moħħna li l-interċessjoni ta’ Marija ma tnaqqas xejn mill-qawwa ta’ Kristu bħala il-Medjatur. Kif jikteb San Pawl lil Timotju, “wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd” (1 Tim 2, 5-6a). Madankollu, bħalma Alla jagħti missjoni partikolari lil kull bniedem u bniedma biex fina wkoll titkompla l-fidwa tad-dinja li wettaq Kristu; bħalma jagħti sehem lil uħud fis-saċerdozju tiegħu, pereżempju, hekk ukoll lil Marija ta dan l-irwol importanti fil-pjan tal-fidwa: irwol ta’ medjazzjoni, ta’ interċessjoni, li titlob għalina, li tressaq il-ħtiġijiet tagħna quddiem it-tron ta’ Alla.

Anke aħna stess ninterċedu għal xulxin fit-talb, u nitolbu lill-qaddisin—jiġifieri lil dawk li mxew it-triq u waslu qabilna għand Alla—sabiex jitolbu għalina. U ħadd minna ma jemmen waħdu u ma jasal għand Kristu waħdu, imma lkoll għandna bżonn ta’ oħrajn li jimxu magħna, waqt li aħna wkoll nimxu ma’ oħrajn, għax ħadd waħdu ma jista’ jaqsam id-distanza bejn il-bniedem u Alla, kif jispjega t-teologu Joseph Ratzinger (Benedittu XVI). U allura kemm għandha aktar qawwa hawnhekk dik li ma kellha ebda tebgħa ta’ dnub u li lill-Iben ta’ Alla setgħet u tista’ ssejjaħlu binha.

Ħadd fost il-ħlejjaq ma jaf lil Kristu aħjar minn Marija; ħadd ma jista’ jintoduċina għal għarfien profond tal-misteru tiegħu aħjar minn Ommu.

Ġwanni Pawlu II, Rosarium Virginis Mariae, Ittra Appostolika dwar ir-Rużarju Mqaddes (16 ta’ Ottubru 2002), par. 14.