Il-Missier li jara dak li hu fil-moħbi

L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Pittura tat-Tħabbira tal-Mulej fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara

F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.”

Mattew 11, 25-27

Bħala ikona għar-riflessjoni tagħna f’dawn il-ġimgħat qaddisa tal-Avvent se npoġġu quddiemna xbieha tassew partikulari tat-Tħabbira tal-Mulej li tinsab fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara. L-uniċità ta’ din il-pitturi tinsab fil-mod oriġinali li bih tirrappreżenta din il-ġrajja, proprju billi b’mod figurattivi turina ‘ritratt’ tal-mument li fih il-Missier Etern jibgħat lill-Anġlu Gabrijel għand Marija sabiex iħabbrilha s-sejħa speċjali tagħha u jilqa’ l-kunsens tagħha għar-rieda divina.
Għalkemm jidher li l-pittura hija xogħol Stefano Eraldi (1630–1716), l-oriġini eżatti tagħha mhumiex magħrufa u x-xogħol mhuwiex iddatat. Din il-pittura ma kinitx fil-knisja parrokkjali preċedenti li ġġarrfet waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, imma ġiet irregalata biex titqiegħed fil-knisja parrokkjali preżenti. U din l-arja kważi misterjuża tkompli toktor meta tqis il-kollokazzjoni tal-pittura mal-ħajt tax-xellug tal-Kappella tal-Erwieħ, fi prospettiva tal-injam li kienet tintuża bħala altar f’wieħed mill-imħażen tal-Malta and Mediterranean Gas Company—preżentement użat bħala sala parrokkjali—li ġie kkonvertit fi knisja parrokkjali temporanja u li fetħet uffiċjalment nhar id-19 ta’ Marzu tal-1944.

Hekk kif qed nitħarrġu fl-istennija għall-miġja tal-Mulej fi Żmien l-Avvent, nistgħu ngħidu li din is-satra minnha nnifisha hija kelma qawwija li tfakkarna li ta’ spiss il-ħidma ta’ Alla f’ħajjitna u l-laqgħa ma’ Kristu u d-dħul fl-intimità tal-misteru sseħħ fil-moħbi. Ġesù stess, fid-Diskors tal-Muntanja, meta jitkellem dwar it-talb, il-penitenza, u l-imħabba konkreta, hekk għallimna:

“Meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu. U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu … Meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.”

Mattew 6, 3-6. 17-18

Alla ġieli tkellem b’ilħna ta’ ragħad u bi ħsejjes ta’ ilmijiet kotrana, imma ħafna drabi kelmtu taslilna siekta fil-fond ta’ qalbna fejn tinżera’ u tikber bil-mod, kważi kważi mingħajr ma aħna stess ninnutaw. Kelmtu ġieli tasal ċara u tonda daqs il-kristall, imma, bħalma ġarrbet Marija f’Nazaret, warajha jaqa’ s-skiet. Is-skiet ta’ Marija kien mimli fidi u tama hekk li ż-żerriegħa tal-misteru ta’ Alla setgħet tikber u tieħu l-ħin tagħha sakemm tinstema’ mill-ġdid f’bikja.

Forsi dawn il-ġimgħat u s-skiet huma ossimoru li jidhru impossibbli flimkien. Imma jeħtieġ li nsibuh dan is-skiet sabiex, fis-satra tal-kamra ta’ ġewwa ta’ ruħna, nerġgħu niskopru mill-ġdid il-laqgħa ma’ Kristu li qanqlitna biex nimxu warajh u nħalluha terġa’ taħjina llum.