Il-Qawwa ta’ Alla li Tinsatar u Tiċċarrat

It-Tieni Riflessjoni dwar il-Pittura tat-Tħabbira tal-Mulej fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara

O muftieħ ta’ David, xettru tad-dar ta’ Iżrael, li tiftaħ u ħadd ma jagħlaq, tagħlaq u ħadd ma jiftaħ, ejja ħa toħroġ mill-ħabs lill-ilsir li qiegħed fid-dlam u d-dell tal-mewt.

Antifona tal-20 ta’ Diċembru

Il-preġju ta’ din ix-xena li Stefano Eraldi jpitter, fejn naraw lil Marija tħit waqt li l-Missier Etern jipponta lejha u jkellem lill-Arkanġlu Gabrijel, ma jinsabx daqstant fil-kwalità artistika imma fl-antikità tagħha u fl-oriġinalità tal-kompożizzjoni. Nistgħu ngħidu wkoll li din il-pittura hija eżempju tal-passaġġ mir-rappreżentazzjoni tat-Tħabbira tal-Mulej tipika tal-arti Biżantina għar-rappreżentazzjonijiet tal-istess episodju fl-era moderna. Minkejja li l-istil huwa għal kollox differenti, bħal fl-ikoni tal-Lvant, Marija tidher f’binja miftuħa u liebsa l-ilwien aħmar u ikħal. Hemm varjetà ta’ tifsiriet mogħtija lil dawn l-ilwien, għalkemm primarjament kollha jduru mal-għaqda flimkien tal-uman u d-divin.

Imma għalfejn Marija qiegħda tħit? Minkejja li l-lewn tal-ħajt f’idejn Marija huwa għal kollox differenti minn dak tal-ikoni, dan is-simboliżmu ta’ Marija l-ħajjata jmur lura għat-tieni seklu wara Kristu. Fil-Proto-Evanġelju ta’ San Ġakbu, fost il-ħafna aneddoti li nsibu dwar it-twelid ta’ Marija u ta’ Ġesù, insibu dettall ferm sinjifikanti. Mimlijin bil-ferħ għal wild fi xjuħithom, meta għalqet tliet snin, Anna u Ġwakkin ippreżentaw lil binthom Marija għall-qadi fit-tempju. Meta waslet għall-pubertà, it-tfajla ġiet fdata taħt il-ħarsien tal-armel Ġużeppi fejn setgħet tgħix fis-safa u tkompli taqdi lill-Mulej. U fiż-żmien li fih isseħħ it-tħabbira mill-Anġlu, hija kienet qed tinseġ il-purtiera tal-Qaddis tal-Qaddisin tat-Tempju magħmula minn ħajt ta’ lewn il-porpra u l-iskarlat, skont l-istruzzjonijiet li Alla jagħti lil Mosè: “Tagħmel velu tal-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt, b’kerubini minsuġin fih, xogħol tas-sengħa” (Eż 26, 31).

Anke r-rappreżentazzjoni ta’ Gabrijel issegwi s-simboloġija tal-ikona tal-Annunzjazzjoni. F’idu għandu xettru, simbolu kemm tal-qawwa ta’ Alla—anke l-istess isem Gabrijel, magħmul mill-kliem gabar (qawwa u saħħa) u El (Alla), jimplika din il-qawwa—u kif ukoll tal-wirt regali li kien imiss lil dak li kien se jitnissel fiha: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu” ( Lq 1, 32-33).

Hija tassew sinjifikanti li Marija, l-Arka tar-Rabta l-Ġdida li ġarret għal disa’ xhur mhux il-kelma minquxa tal-liġi imma l-Kelma magħmula laħam, proprju tiġi fdata bil-ħjata tal-purtiera li tostor il-preżenza qaddisa ta’ Alla, liema purtiera “ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel” mal-mewt tal-Iben ta’ Alla għax issa l-misteru ta’ Alla ma kienx għadu moħbi imma ġie mikxuf għal kollox fuq l-għuda tas-Salib ’il barra mill-belt qaddisa ta’ Ġerusalemm (ara Mt 27, 51).

Aħna wkoll inġorru l-misteru ta’ Alla minqux f’ruħna maħluqa xbieha tiegħu. Aħna dan l-istess santwarju ħaj tal-ħajja qaddisa ta’ Alla l-ħaj. Imma ta’ spiss, biex naqsmu din il-ħajja ma’ dawk li l-iktar jeħtiġuha, ikollna niċċarrtu għax huwa fid-dgħufija li Alla jista’ juri l-qawwa feddejja tiegħu. Lest/lesta tkompli tinseġ ħajtek bil-ħjut li jagħtik Alla sabiex tkun tista’ tiċċarrat u tingħata? Af li mingħajr ma tikber u tintiseġ bil-mod, ftit ftit kuljum, mhux se tkun tista’ tagħraf u tieqaf mibluh/a quddiem il-misteru ta’ Alla u tirriflettih fuq l-oħrajn … imma trid tkun lest/lesta tinseġ dak li se jiċċarrat …