Il-Bidu tal-Ġublew 2025 u l-Ftuħ tal-Bieb Imqaddes

Wara sentejn ta’ tħejjija li fihom erġajna morna għall-għeruq tad-dokumenti prinċipali tal-Konċilju Vatikan II u tal-ħajja tat-talb, issa waslet is-Sena Mqaddsa tal-Ġublew tal-2025. Wieħed mill-aktar sinjali karatteristiċi tal-Ġublew huwa bla dubju l-Bieb Imqaddes: is-sena tal-Ġublew tibda fil-lejl qaddis tal-Milied meta l-Papa jiftaħ il-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru. Fil-ġranet ta’ wara mbagħad il-Papa jiftaħ il-Bibien Imqaddsa tat-tliet bażiliċi ewlenin l-oħra tal-Belt ta’ Ruma. Fid-29 ta’ Diċembru se jinfetaħ il-bieb tal-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran, li hu l-katidral tal-Papa bħala Isqof ta’ Ruma u omm il-knejjes kollha. Fl-1 ta’ Jannar, Solennità ta’ Marija Omm Alla, jinfetaħ il-bieb tal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, li hija l-eqdem knisja ddedikata lill-Madonna. U fl-aħħar, fil-5 ta’ Jannar, jinfetaħ dak tal-Bażilika ta’ San Paolo Fuori le Mura.

Anke l-għeluq tal-Ġublew huwa mmarkat bl-għeluq ta’ dawn l-istess bibien li ġew miftuħa biex min jgħaddi minnhom jikseb il-maħfra u l-ħniena. Il-bibien imqaddsa tat-tliet bażiliċi maġġuri se jingħalqu nhar it-28 ta’ Diċembru 2025, u s-Sena Mqaddsa tagħlaq uffiċjalment mal-għeluq tal-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan nhar is-6 ta’ Jannar 2026.

F’dan il-Ġublew mhux se jkun hemm bibien li jinfetħu anke fid-djoċesijiet kollha madwar id-dinja, madanakollu xorta waħda se jkun possibbli li jgawdu mill-grazzja tal-Ġublew anke dawk li ma jmorrux fil-Belt Eterna u jieħdu sehem f’attivitajiet djoċesani jew pellegrinaġġi matul din is-sena. Madankollu, bla dubju l-bieb jibqa’ simbolu ċentrali.

Barra li huwa simbolu mill-iktar ċar li juri l-ftuħ u l-għeluq ta’ xi ħaġa, il-Bieb Imqaddes huwa simbolu ta’ Ġesù nnifsu, il-bieb tas-salvazzjoni tagħna. Għaldaqstant, meta jirfes din l-għatba, il-pellegrin irid jiftakar fil-kliem ta’ Kristu li nsibuh fl-Evanġelju skont San Ġwann: “Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa” (Ġw 10, 9). Dan il-ġest ifisser id-deċiżjoni tagħna li nimxu wara Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, u nħalluh imexxina. Wara kollox, il-bieb hu wkoll passaġġ li jdaħħal lill-persuna fuq ġewwa ta’ knisja u ta’ dar. Għall-komunità Nisranija, dan mhuwiex biss l-ispazju tas-sagru li wieħed għandu jersaq fih b’rispett, imma hu sinjal u strument tal-għaqda ma’ Alla u mal-familja tal-bnedmin. Huwa l-post tal-laqgħa u tad-djalogu, tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi.

F’isem it-tim ta’ beHOLD.mt nawgurawlek li din tkun għalik ukoll sena ta’ grazzja speċjali mis-sema!