Wara maratona ta’ festi tant għeżież għall-fidi tagħna, erġajna lura għaż-żmien ordinarju, fejn il-liturġija donnha tagħtina nifs—in-nifs tal-ħajja, irrappreżentat bil-lewn aħdar li tilbes il-Knisja. Madankollu, fl-ewwel ħadd ‘liberu’, biex ngħidu hekk, il-Knisja xorta waħda tkompli tiftaħ, donnu rigal imgeżwer, il-misteru tal-Epifanija għax, flimkien mar-rivelazzjoni ta’ Alla lill-ġnus fil-persuna tal-Maġi, u r-rivelazzjoni ta’ Kristu bħala l-għaxqa tal-Missier waqt li jieħu fuqu l-ħmieġ tagħna meta jinżel fix-xmara biex jitgħammed, il-Knisja tqis ukoll bħala Epifanija l-ewwel miraklu—jew aħjar, sinjal—li “bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.” Tant hu hekk li fl-innu tal-Għasar għas-solennità tal-Epifanija, il-Knisja tgħanni:
Xhieda ġdida ta’ setegħtu!
Ħammru l-ġarar kbar tal-ilma,
li l-qaddejja, b’ordni tiegħu,
rawh mibdul fi nbid quddiemhom.
Imma, ngħiduha kif inhi, jitlob att ta’ fiduċja għami, li jidher assurd u ma jagħmilx sens, li timla bl-ilma sitt ġarar daqsiex maħmuġa, meta r-riti tal-purifikazzjoni fid-dħul għall-festa tat-tieġ kienu lesti, u ma jagħmel l-ebda sens loġiku li terġa’ timliehom, bil-fiduċja li b’xi mod se tissolva t-traġedja tal-inbid li spiċċa … Kif, wara kollox, tidher assurda u bla sens li tibqa’ tittama meta l-inbid tal-ferħ u tat-tama, tal-imħabba u tal-fiduċja jispiċċa, u minfloku jsaltnu l-qtigħ il-qalb, in-nuqqas ta’ fiduċja f’min għandu l-awtorità, il-gwerer ’l hemm u ’l hawn li, bogħod kemm huma bogħod, xorta jaffettwawna psikoloġikament u b’mod prattiku wkoll għax inħossu mdendla fuqna t-theddida ta’ kunflitt fuq skala dinjija.
X’jagħmel differenti n-Nisrani? Kif iġib ruħu b’mod differenti n-Nisrani f’dan il-kuntest? Sempliċi: jimla l-ilma! Jafda u jagħmel dak li għandu jagħmel, mhux għax jagħmel sens imma għax jittama f’dak li jagħti sens lill-ħajja tagħna, anke meta din tidher bla sens u assurda hekk li kważi twaqqagħna għaċ-ċajt magħna nfusna u anke quddiem id-dinja li tirredikola t-tama u l-fidi tagħna għax tilfet il-fiduċja u, jew isserraħ fuq il-qawwa tagħha nnifisha, li hi dgħajfa, jew tiddispra.
Għax it-tama tfisser li quddiem l-ilma tad-dmugħ tagħna, l-ilma tal-għaraq tagħna, l-ilma maħmuġ tagħna, nemmen li dak, proprju dak, jista’ jsir inbid. It-tama li Alla kapaċi jagħmel inbid mill-aqwa jekk noffrilu tal-anqas l-ilma mdardar tiegħi. Imma rrid inkun lest li nissogra u noffrihulu! Ma nistax ingerger li daż-żmien donnu spiċċa l-inbid, li spiċċa kollox, jekk m’iniex lest inkun parti mit-tweġiba ta’ Alla. Ma nistax nippretendi li Alla jagħmel xi ħaġa jekk m’iniex lest inkun parti mir-risposta tiegħu billi, bħalma qalet Ommu lill-qaddejja, nagħmel kif jgħidli hu.
Ma nistax indur fuq Alla u nistaqsih il-mistoqsija leġittima u mill-iktar umana “Għalfejn? Għaliex?” jekk m’iniex lest li npoġġi ħajti għad-dispożizzjoni tiegħu biex biha jagħti l-ferħ mhux lili biss imma lill-bnedmin kollha; mhux iwieġeb l-“Għaliex?” tiegħi biss imma ta’ ħafna oħrajn fil-ħin u bil-mod tajjeb tiegħu. Imma rrid inkun lest li nittama u b’fidi sħiħa rressaqlu l-ilma ta’ ħajti, imdardar kif inhu, ma jimpurtax, anzi kważi aħjar jekk imdardar għax b’hekk tassew jidher li dak li qed iseħħ huwa l-opra ta’ Alla u mhux ġej mill-qawwa tiegħi li kulma jien bniedem dgħajjef u midneb, biex hekk tal-anqas dawk ta’ madwari f’qalbhom jitqanqlu l-għoġba u l-mistoqsija dwar Alla, u hekk mhux jemmnu fija imma hu jkun jista’ bil-mod il-mod iwassalhom biex jemmnu fih … u ta’ kuljum tibqa’ żżernaq it-tama fix-xefaq tal-ħajja tagħna u tal-ġrajja tad-dinja!