Fl-ewwel jiem ta’ dan ix-xahar ta’ Frar—li nittamaw li jfawwar il-bjar li ma meliex Jannar—il-liturġija tpoġġi quddiemna l-Ħames Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ u s-Solennità tal-Appostlu Missierna San Pawl, Patrun ta’ Malta—żewġ ċelebrazzjonijiet liturġiċi li, kif ġew il-ġranet ta’ din is-sena, se jitgħaqqdu f’kobba waħda bejn id-9 u l-10 ta’ Frar. Fiż-żewġ ġranet huwa San Luqa li jieħu l-post ta’ prominenza fil-Liturġija tal-Kelma permezz taż-żewġ kotba tiegħu li nsibu fit-Testment il-Ġdid—l-Evanġelju u l-Atti tal-Appostli. U ħaġa tal-għaġeb kif, fil-providenza tiegħu, il-Mulej f’dal-jumejn jibni pont bejn dawn l-ewwel u t-tieni volum tal-opra letterarja mqaddsa tal-Evanġelista Luqa li jibda l-missjoni pubblika ta’ Ġesù u jagħlaq dik ta’ Pawlu kważi bl-istess mod: fir-raba’ u l-ħames kapitli tal-Evanġelju jibda b’laqgħa mal-Lhud fis-sinagoga fejn juri pubblikament li hu l-Messija—laqgħa li ma tantx tispiċċa tajjeb—u jkompli bis-sejħa ta’ Pietru u sħabu fuq dgħajsa fil-baħar tal-Galilija li jmorru warajh bil-mandat li jsiru sajjieda tal-bnedmin; imbagħad fl-Atti tal-Appostli jagħlaq permezz tar-rakkont tan-nawfraġju tal-ġifen li fuqu kien priġunier Pawlu fi triqtu lejn Ruma fejn jirċievi mandat appostoliku mfisser mill-kmand divin li jeħtieġ jaħbtu ma’ gżira sabiex hekk l-Evanġelju jkun beda jilħaq lill-ġnus kollha—anke dawk li ma kinux parti mid-dinja Griega-Latina—u, wara li tgħaddi x-xitwa, isalpa mill-ġdid lejn Ruma fejn hemm ukoll jitlob li jiltaqa’ mal-Lhud tal-belt eterna li, għall-kuntrarju ta’ missirijietna, xorta waħda jibqgħu sal-aħħar ma jilqgħux l-aħbar it-tajba ta’ Kristu li tagħha Pawlu kien priġunier-ħabbar.
San Luqa juża dan it-tip ta’ paralelliżmu bejn Ġesù fl-Evanġelju u Pawlu fl-Atti numru ta’ drabi. Naraw kif bħalma Ġesù jfejjaq lill-kunjata ta’ Xmun li laqgħu f’daru, hekk ukoll Pawlu jfejjaq lil missier Publju li laqa’ lilu u lil sħabu u żammhom fl-oqsma tiegħu għal tliet ijiem sabiex hekk setgħu ‘jirxuxtaw’ mit-telfa u t-tiġrib tan-nawfraġju. Saħansitra n-nawfraġju u l-wasla ta’ Pawlu f’Ruma biex hemmhekk jagħti x-xhieda aħħarija tiegħu quddiem l-Imperatur donnha tieħu forma ta’ rakkont tal-passjoni—il-passjoni ta’ San Pawl, jekk irridu.
Jekk inħares lejn il-ġrajja ta’ ħajti—u forsi nazzarda niktubha wkoll, min jaf—tgħid inkun nista’ nara fiha sseħħ il-ġrajja tal-Evanġelju? Tgħid is-slaleb tagħha u l-mewġ li jħabbatha xorta waħda jistgħu jsiru proklamazzjoni tal-Aħbar it-Tajba tal-Mulej? Tgħid inħalli l-Kelma tal-Mulej isseħħ fija wkoll illum sabiex tagħmilni sajjied tal-bnedmin u appostlu tal-ġnus li jista’ jkun li jgħammru saħansitra fl-istess triq tiegħi jew jaħdmu fuq l-istess post tax-xogħol tiegħi? X’taħseb? Jien se nipprova. U int? Titħajjar?