Xi ftit tas-snin ilu kien ġie mitbugħ il-ktieb Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben), xogħol awtobijografiku ta’ Immanuel Mifsud. L-awtur jesplora t-tema tal-paternità permezz tar-relazzjoni tiegħu mal-paternità fuq diversi livelli. Jibda bir-relazzjoni tiegħu ma’ missieru bħala tifel, u mbagħad bħala żagħżugħ xi ftit ribelli, u jasal sal-esperjenza tiegħu ta’ missier. Niftakar li xtrajtu mill-Festival Nazzjonali tal-Ktieb is-Sibt filgħaxija u sas-sigħat bikrin tal-għada l-Ħadd kien diġà moqri kollu.

Ironikament, filwaqt li l-isem tal-ktieb huwa effettiv għax jilgħab fuq il-kliem li llissnu waqt li rroddu s-salib, fuqi ħolqot effett kuntrarju: xi minn daqqiet, meta rrodd is-salib fil-bidu tal-quddiesa jew ta’ xi mument ieħor ta’ talb, niftakar f’dan il-ktejjeb profond … ħaġa li ma naħsibx li l-awtur ikkontemplaha imma li hija daqstant ieħor fundamentali għan-Nisrani li bil-Magħmudija jsir iben adottiv tal-Missier f’Ibnu Ġesù. Hemm esperjenza tal-paternità fi ħdan Alla nnifsu fejn l-identità tal-persuni tat-Trinità Qaddisa hija deskritta permezz tar-relazzjoni tagħhom ma’ xulxin. Hemm imbagħad l-esperjenza tagħna ta’ din il-paternità divina, fejn is-sinjal tas-Salib ikun l-ewwel forma ta’ ‘talba’ li niġu mgħallma, anke bħala trabi, jekk insibu ’l min jurina kif. U, fl-aħħar, anke l-esperjenza tal-paternità tagħna bħala Nsara li mhux biss nagħtu l-ħajja b’diversi modi, imma wkoll, bħall-missier tal-parabbola tal-iben il-ħali, ngħixuha billi, misjura bit-tiġrib tal-ħajja, aħna stess minn ulied skjavi jew maħruba, insiru missirijiet li jilqgħu.

Imma l-iktar ħaġa li tiskantani xħin niġu għar-radd tas-salib waqt il-quddiesa hija proprju n-nuqqas ta’ għarfien ta’ dak li nkunu qegħdin nagħmlu u, konsegwentement, tal-mod kif jeħtieġ inġibu ruħna. Għalkemm f’ħafna mit-talb devozzjonali l-kliem tar-radd tas-Salib ngħiduh flimkien, fil-quddies huwa s-saċerdot waħdu li jlissen il-kliem u l-miġemgħa twieġeb “Ammen” bħala stqarrija li tikkumplimenta l-medjazzjoni ta’ Kristu li tagħha s-saċerdot hu ministru. Bħalma jiġri f’mumenti oħra, sew jekk ta’ talb u sew jekk ta’ ħidma, ir-radd tas-Salib fil-bidu jfakkarna li dak li se nagħmlu se nagħmluh f’isem Alla Trinità u fi djalogu ma’ dan Alla Trinitarju u fih.

Imma l-bużillis tiġi fir-radd tas-Salib ta’ tmiem il-quddiesa. Fil-bidu l-ġemgħa tkun għadha qed tirranka, u allura tiġi pjuttost naturali li kulħadd ilissen l-“Ammen” biss. Imma sa tmiem il-quddiesa, imdawlin mill-Kelma u mrejqa bil-Ġisem tal-Mulej, inkunu kkargajna sewwa biex noħorġu naqsmu dan id-don mal-kliem-kmand, “Morru fil-paċi ta’ Kristu,” hekk li kulħadd, bi ħġaru u b’leħen għoli, jgħid il-kliem tas-sinjal tas-Salib mal-qassis, u bilkemm ma jispiċċax jgħid l-“Ammen” waħdu l-qassis!

Veru, mhijiex l-ikbar traġedja għax, wara kollox, insejħu b’mod qaddis l-isem ta’ Alla nkunu qegħdin. Imma, jekk nieqfu u naħsbu ftit dwar xi jfisser dal-mument, imbagħad nindunaw li nkunu qed nitilfu t-tifsira vera tiegħu. Huwa minnu li, wara t-Tqarbin, il-quddiesa taqbad ritmu ferm mgħaġġel u bħal donnha tieqaf ħesrem, donna naqbdu nitgerbu għal isfel wara li nkunu lħaqna l-quċċata. Huwa minnu li, kif jistqarr il-Konċilju Vatikan II, l-Ewkaristija hija l-għajn u l-quċċata tal-ħajja Nisranija. Huwa minnu li minn dil-quċċata tnixxi l-għajn li ssaqqi l-wita fejn ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum u tkompli tisqina sal-Ħadd ta’ wara. Imma bil-mod. Żomm ftit il-brejkijiet!

Fi tmiem il-quddiesa, ir-radd tas-Salib mhuwiex il-konklużjoni naturali ta’ mument ta’ talb. Tant hu hekk li s-saċerdot ma jroddx is-salib kif jagħmel mal-ġemgħa fil-bidu, imma jagħmel sinjal ta’ salib b’idu l-leminija fl-ajru fuq il-ġemgħa, u jgħid: “Iberikkom Alla li jista’ kollox, il-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu.” Mela mhux talli ma jkunx qed jagħlaq, talli jkun qed iniżżel fuq il-poplu l-barka ta’ Alla sabiex jinfetħu l-bibien u noħorġu ngħixu fil-paċi ta’ Kristu u naqsmu din l-istess paċi billi nxerrdu l-fwieħa ta’ Kristu fina kullimkien.

Id-darba li jmiss, xħin fl-aħħar tal-quddiesa tkun se tibda tgħid il-kliem tas-sinjal tas-salib, sikket lilek innifsek u baxxi rasek ħalli tilqa’ l-barka tal-Mulej li jissejjaħ fuqek … u ma tagħmilx ħażin jekk issikket lil min ikun miegħek jew lil ta’ ħdejk sabiex dak li fhimt ikunu jistgħu japprezzawh huma wkoll!