O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek

 

L-għasar, il-Ħamis 3 ta’ April 2025

Salm 143 (144)

(II) 

O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek, *
fuq arpa ta’ għaxar kordi ngħannihielek.
Int li tagħti r-rebħa lis-slaten, *
li teħles lil David, il-qaddej tiegħek. 

Mis-sejf tal-ħażin ħarisni; *
eħlisni minn id il-barrani,
li b’fommu jgħid il-gideb, *
u b’lemintu jixhed il-qerq. 

Ħa jkunu wliedna f’żgħożithom *
bħal xitel imlaħħaq sewwa;
uliedna l-bniet bħal kolonna minquxa, *
iżejnu l-irkejjen tal-palazzi.
Ħa jkunu l-imħażen tagħna mfawra, *
u jagħtu kull xorta ta’ ġid.
L-imrieħel bl-eluf iwieldu, †
għaxriet ta’ eluf fir-raba’ tagħna; *
ħa jkunu tqal il-bhejjem tagħna.
Ebda selħa fis-swar, u ebda ħarba, *
anqas għajat ta’ niket fil-pjazez tagħna. 

Hieni l-poplu li għandu dan kollu! *
Hieni l-poplu li Jaħweh hu Alla tiegħu. 

Glorja.

Ant. 2: Hieni l-poplu li l-Mulej hu Alla tiegħu.

Ant. 3: Ġiet is-salvazzjoni u s-saltna ta’ Alla tagħna.