Il-ħalib li jaqa’ fuq ktajjen l-iskjav

It-Tielet Riflessjoni dwar il-Kwadru Titulari Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar

O Alla, int u ħiereġ quddiem il-poplu tiegħek,
int u tiela’ mid-deżert,
triegħdet l-art, u sa s-smewwiet inħallu
quddiem Alla tas-Sinaj,
quddiem il-Mulej, Alla ta’ Iżrael.
Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla,
fuq l-art, wirt tiegħek,
u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha.

Salm 68, 8-10

Il-ħassieb kontemporanju Francis Fukuyama qal li l-istorja tinsab fit-tmiem u magħha l-bniedem jinsab maqbud f’ċiklu ta’ materjaliżmu, kompjaċenza, u nuqqas ta’ għaliex. Dan iċ-ċirku ta’ pessimiżmu probabbilment isib l-akbar espressjoni tiegħu f’Nietzsche meta dan jistqarr li l-verità mhija xejn aktar minn armata ta’ metafori ma jfissru xejn. Dan it-tiġrib tan-nuqqas ta’ għarfien ta’ verità oġġettiva fid-dinja ta’ madwarna jestendi ruħu sew fil-letteratura meta naraw karattri bħala Vitangelo Moscarda fil-magħruf rumanz tal-Pirandello Uno, nessuno centomila, li fih naraw il-Jien bħal donnu jdub quddiem it-tħassib li l-Jien mhuwiex entità konkreta iżda l-ħin kollu jinbidel. Jien ninbidel l-ħin kollu u jien frott ta’ ħafna perċezzjonijiet, u allura minn banda jiena jien wieħed, minn banda ma jien ħadd, u minn banda jien mitt elf, kif jgħid it-titlu tal-istess ktieb. Id-dimistifikazzjoni tal-Jien u tan-nuqqas ta’ importanza tal-Jien huwa wieħed mill-aktar realizzazzjonijiet diffiċli li wieħed jasal biex jagħmel. Quddiem ir-ritratt tad-dinja meħud minn 3.7 biljun mil ’il bogħod u li fih id-dinja tidher bħala pixel żgħira immens, Carl Sagan bil-kelma taqta’ tiegħu jikkummenta li d-dinja hija sempliċiment “A pale blue dot”. U, jekk id-dinja hija tassew sempliċiment “tikka kaħla ċassa,” allura x’inhu l-bniedem?

L-għarfien li “m’aħniex speċjali” ta’ spiss iwassal għal diversi kriżijiet eżistenzjali. Għaldaqstant, bilfors neħtieġu tama li hija wisq akbar minn dak li tagħtina id-dinja. Quddiem dan kollu, il-bniedem tassew jagħraf ix-xejn tiegħu u tistħajlu l-iskjav f’riġlejn Marija li naraw fil-kwadru titulari tas-Santwarju Żabbari. Imma huwa proprju fuq il-ktajjen ta’ dan l-iskjav, rappreżentant tal-umanità sfigurat mid-dnub, li jaqa’ l-ħalib tal-grazzja hekk li, fil-laqgħa tal-bniedem bil-ktajjen ma’ Marija Santissima, Omm il-Grazzja, huwa jiġi meħlus minnhom.

Din il-laqgħa tmur lil hinn mill-aspetti kollha negattivi u tinsatar f’dak li jgħidilna San Bernard:

Waqt li twiżnek, ma taqax.
Waqt li tħarsek, ma tibżax.
Waqt l’Hi tmexxik, int ma tgħejjiex
Bil-grazzja tagħha, tasal f’Port is-Salvazzjoni

Inti u tgħix il-mogħdija tal-Għid mill-jasar għall-ħelsien, jalla fuqek ukoll jinżel il-qtar tal-grazzja li jsaqqi l-art bil-għatx u jwasslek biex tagħraf u tkun min tassew int: iben maħbub u mifdi, bint maħbuba u mifdinja.