
Id-Dixxipli ta’ Għemmaws: il-Knisja Pellegrina tat-Tama
Wieħed mir-rakkonti sinonimi mal-ewwel jiem ta’ Żmien l-Għid hu bla dubju dak tal-laqgħa tad-dixxipli ta’ Għemmaws ma’ Ġesù. F’dawn l-aħħar snin, il-Knisja f’Malta rriflettiet ħafna dwarha għax biha fittxet li tiggwida proċess ta’ dixxerniment u azzjoni fis-sitwazzjoni konkreta li qegħdin ngħixu fiha llum u issa fuq din il-blata f’nofs ta’ baħar.
F’waħda mill-katekeżi tiegħu dwar it-tama—dik tal-24 ta’ Mejju 2017—il-Papa Franġisku ppreżenta dan ir-rakkont, kważi fuq stil ta’ meditazzjoni Injazjana li tibni ħafna fuq l-immaġinazzjoni li jwassal għad-djalogu ma’ Ġesù:
Ejjew nistħajlu x-xena: żewġt irġiel mexjin qalbhom maqtugħa, imnikkta, konvinti li ħallew warajhom il-qsim il-qalb ta’ biċċa li spiċċat ħażin. Qabel dak l-Għid kienu mimlija ħeġġa: konvinti li dawn il-jiem kellhom ikunu deċiżivi għal dak li kienu qed jistennew u għat-tama tal-poplu kollu. Ġesù, li f’idejh kienu fdaw ħajjithom, sa fl-aħħar deher li kien wasal għall-battalja deċiżiva tiegħu: issa kien se juri qawwietu, wara perjodu twil ta’ preparazzjoni u ta’ ħajja fil-moħbi. Dan hu li kienu qed jistennew. U ma seħħx hekk.
Iż-żewġ pellegrini kienu xettlu fihom tama li hi biss umana, li issa kienet ġiet fix-xejn … Hekk, dak il-Ħadd filgħodu, dawn it-tnejn kienu qed jaħarbu minn Ġerusalemm. Quddiem għajnejhom kien għad kellhom il-ġrajjiet tal-passjoni, il-mewt ta’ Ġesù; u ruħhom kienet għadha ħosbiena bit-turmenti ta’ dawk il-ġrajjiet … Dik il-festa tal-Għid, li kellha tintona l-għanja tal-ħelsien, minflok kienet inbidlet fl-iktar jum ta’ niket ta’ ħajjithom.
Franġisku, Udjenza Ġenerali, 24 ta’ Mejju 2017
Ir-rakkont nafu kif ikompli. Ġesù jimxi t-triq magħhom, donnu hu wkoll pellegrin imma li qed jagħmlilhom xi sessjoni ta’ terapija—il-Papa jsejħilha t-“terapija tat-tama”—billi “l-ewwel nett jistaqsi u jisma’”: jisma’ d-delużjoni tagħhom li donnha hija wkoll ir-responsorju tas-Salm Responsorjali tal-ħajja tagħna, “Ngħidu flimkien: ‘Aħna konna nittamaw … iżda …’”
Però, ta’ terapista per eċċellenza, Ġesù jibqa’ miexi magħhom filwaqt li jurihom perspettiva oħra, jikkonfrontahom bil-verità tagħhom u tiegħu, u jerġa’ jkebbes il-musbieħ tat-tama, sakemm jasal il-lejl u, fil-qsim tal-ħobż jurihom l-identità vera tiegħu u jgħib. Minnufih dawn iż-żewġ dixxipli jmorru lura Ġerusalemm, mhux iżjed bħala pellegrini maħruba jew mimlijin delużjonijiet, imma bħala pellegrini tat-tama għax iltaqgħu ma’ dan li hu t-Tama nnifisha (ara 1 Tim 1, 1).
Huwa għalhekk li, fl-Ittra lir-Rumani, San Pawl b’wiċċu minn quddiem jikteb: “it-tama ma tqarraqx bina” (Rum 5, 5). Għaliex ma tqarraqx bina? Għax, kif jikteb Papa Franġisku fi Spes non confundit:
It-tama titwieled mill-imħabba u tissejjes fuq l-imħabba li tfur mill-Qalb ta’ Ġesù minfuda fuq is-salib … It-tama Nisranija ma tqarraqx u ma tiddiżappuntax għax hi msejsa fuq iċ-ċertezza li xejn u ħadd ma jista’ qatt jifridna mill-imħabba ta’ Alla … Hu għalhekk li din it-tama ma ċċedix quddiem l-għawġ għax għandha b’sies il-fidi u hi mrawma bl-imħabba, u għaldaqstant tippermettilna li nimxu ’l quddiem fil-ħajja.
Franġisku, Spes non confundit par. 3
Kienet din it-tama li ma tqarraqx u msejsa fuq iċ-ċertezza li Ġesù hu ħaj li twassal lid-dixxipli ta’ Għemmaws biex imorru jfittxu u jiltaqgħu mal-bqija tal-komunità pellegrina li baqgħet moħbija Ġerusalemm. Komunità li hi wkoll bdiet tinbena fuq il-laqgħa ta’ Pietru ma’ Ġesù ħaj: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” jgħidulhom mill-ewwel il-Ħdax u sħabhom, hekk li din il-komunità flimkien mad-dixxipli ta’ Għemmaws issir il-Knisja Pellegrina tat-Tama li tesperjenza l-laqgħa ma’ Kristu li jieqaf f’nofshom u jgħidilhom, “Is-sliem għalikom!” (Lq 24, 36).