
Il-Ħorġa tal-Pellegrin: Il-Palma
Simbolu marbut mal-pellegrinaġġ lejn l-Art Imqaddsa—u wkoll ma’ mqades li fihom huma meqjuma l-fdalijiet tal-martri—huwa dak tal-friegħi tal-palm. Awtomatikament, dan is-simbolu jeħodna lura għax-xena tad-daħla Messjanika ta’ Ġesù f’Ġerusalemm riekeb fuq ħmara fost l-għajat tal-Hosanna u t-tixjir tal-friegħi tal-palm. Dan infakkruh ta’ kull sena f’Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej meta jitbierku l-friegħi tal-palm u ż-żebbuġ u ssir purċissjoni lejn il-knisja fejn tkompli l-quddiesa li matulha jinqara’ r-rakkont tal-passjoni.
L-arkeoloġija turina li, anke sa minn sekli qabel il-miġja ta’ Kristu fid-dinja, il-palma kienet diġà tintuża bħala simbolu tar-rebħa. Kienet ukoll simbolu tal-art tal-Lhudija sew għal-Lhud innifishom u sew għall-ħakkiema Rumani, kif jixhdu għadd ta’ minuti li jmorru lura għal żmien Kristu. Fl-ikonografija Nisranija, il-palma ssir simbolu tal-martirju bħala r-rebħa fuq il-ħażin bl-istqarrija tal-fidi fi Kristu saħansitra sal-mewt. Ġeneralment, barra simboli karatteristiċi partikulari tal-qaddis jew qaddisa, dawk li jkunu mietu martri narawhom b’fergħa tal-palm f’idejhom, bħalma nsibu fl-Apokalissi meta Ġwanni jara “kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejhom” (Apok 7, 9).
Meta nisimgħu r-rakkonti tax-xhieda ta’ dawn ħutna l-kbar fi Kristu, f’qalbna titqanqal kemm ammirazzjoni u kif ukoll il-mistoqsija dwar jekk konniex inkunu kapaċi nibqgħu sodi sal-aħħar bħalhom. Anzi, nazzarda ngħid li l-mod ta’ ħsieb tal-martirju bħala x-xhieda suprema għal Kristu tilef ħafna mill-qawwa tiegħu fi żminijietna mmarkati minn narċisiżmu u egoiżmu sfrenat u sens qawwi ta’ kompetizzjoni. Mill-banda l-oħra, jekk ma jkollniex dik il-ħaġa li lesti mmutu għaliha hemm ċans kbir li lanqas għandna xi ħaġa daqstant qawwi għal xiex ngħixu u li timmarka l-ħajja kollha tagħna.
Fadal biss ftit ieħor, u tilħaq id-destinazzjoni tal-pellegrinaġġ tiegħek. Ma tagħmilx ħażin jekk taħseb f’dak il-palm li tħabbrek biex ixxejjer matul ħajtek. Forsi jista’ jkun is-suċċess u l-fama. Forsi r-rebħa fuq l-oħrajn u il-gwadann personali tiegħek. Forsi iktar ixxejjer bandiera ta’ partit jew kwalunkwe grupp ieħor li awtomatikament iġibu firda, flok il-palma tar-rebħa ma’ Kristu. Imma tinkwetax. Għadek fiċ-ċans li tarmi l-istandarti kollha li qed iġġorr u tibda xxejjer biss il-palma mas-salib.
Apokalissi 19: Għanja ta’ Rebħ fis-Sema u t-Tieġ tal-Ħaruf
Apokalissi 19, 1-8
1Wara dan smajt bħal leħen qawwi ta’ kotra kbira fis-sema jgħidu:
“Hallelujah!
Is-Salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa ta’ Alla tagħna,
2għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu;
għax għamel ħaqq miż-Żienja l-Kbira,
dik li ħassret l-art biż-żina tagħha,
u tħallas minnha
tad-demm tal-qaddejja tiegħu.”
3U reġgħu qalu:
“Hallelujah!
Iva, id-duħħan tagħha tiela’
għal dejjem ta’ dejjem.”
4U l-erbgħa u għoxrin Xiħ u l-erba’ Ħlejjaq Ħajjin inxteħtu jagħtu qima lil Alla li qiegħed fuq it-tron, u qalu:
“Ammen! Hallelujah!”
5U ġie leħen mit-tron jgħid:
“Faħħru lil Alla tagħna,
qaddejja tiegħu kollha,
u intom li tibżgħu minnu,
kemm żgħar u kemm kbar.”
6U smajt bħal leħen ta’ kotra kbira u bħal ħoss ta’ ilmijiet kotrana u bħal tkarwit ta’ ragħad qawwi, jgħidu:
“Hallelujah!
Għax ħa s-saltna l-Mulej,
Alla tagħna li jista’ kollox.
7Nifirħu u nithennew
u nagħtuh glorja,
għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf,
u l-Għarusa tiegħu ħejjiet ruħha,
8u lilha ngħata li tilbes
għażel fin jgħammex l-għajnejn—
għax l-għażel fin ifisser l-għemejjel
tajba tal-qaddisin.”