Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid kull sena jlaqqagħna mal-figura tar-ragħaj. Għalkemm kienu jiffurmaw parti mil-livelli l-iktar baxxi tas-soċjetà, sa mit-Testment il-Qadim diġà nsibu l-assoċjazzjoni tar-ragħaj u l-kura tiegħu tal-merħla ma’ Alla u l-imħabba tiegħu lejn il-poplu l-magħżul. F’dawn il-ġranet tant importanti għall-Knisja bl-għażla tas-suċċessur ta’ Pietru, hemm żewġ simboli li proprju jippuntaw għall-irwol tal-Papa bħala r-ragħaj magħżul minn Kristu biex jira’ l-merħla tiegħu. Dawn huma l-pallju u l-baklu.
F’dan l-artiklu se nibdew fuq il-pallju. Il-pallju—pallium bil-Latin—hu speċi ta’ stola jew xarpa magħmul mis-suf tan-nagħaġ b’sitt slaleb żgħar suwed li jixxidd fuq l-ispallejn u jintlibes fuq il-pjaneta. L-oriġini eżatta ta’ din il-parti mill-ilbies pontifikali mhijiex ċara, imma jidher li kien diġà jintuża fir-raba’ seklu u li kellha l-istess oriġini tal-omophorion tal-Knejjes tal-Lvant. Madankollu, minħabba l-forma partikolari tiegħu, il-pallju ħa tifsira pastorali hekk kif b’mod viżibbli juri lil dawk li jiġu fdata bil-ministeru ta’ ragħajja fil-Knisja f’xebh mal-ikonografija tradizzjonali tar-Ragħaj it-Tajjeb bin-nagħġa l-mitlufa fuq spallejh, madwar għonqu.
Fil-Lvant l-omophorion jintlibes mill-isqfijiet kollha u għandu forma kemxejn differenti. Fil-Punent, il-pallju oriġinarjament kien privileġġ tal-papa, sakemm l-użu twessa’ għall-arċisqfijiet kollha sabiex proprju jfisser l-awtorità ta’ dawn l-isqfijiet metropoliti bħala sehem mill-awtorità u l-mandat tas-suċċessur ta’ Pietru li Kristu ordnalu biex jirgħa n-nagħaġ tiegħu (ara Ġw 21, 15-19). Anke għall-omophorion, San Sidor ta’ Pelusium f’waħda mill-ittri tiegħu (Epistolarum Liber 1.136, PG 78.272C) jagħmel din l-analoġija tal-materjal tas-suf man-nagħġa l-mitlufa li r-ragħaj tal-parabbola li nsibu f’San Luqa jerfa’ fuq spallejh meta jsibha (Lq 15, 5).
Ta’ kull sena fil-festa ta’ Sant’Anjeże, nhar il-21 ta’ Jannar, fil-bażilika ta’ Santa Agnese fuori le mura, it-Trappisti tal-Monasteru tat-Tre Fontane jippreżentaw żewġt iħrief li jiġu mbierka u fdati f’idejn is-Sorijiet Benedittini ta’ Santa Cecilia in Trastevere. Qabel l-Għid, dawn jiġi mġiżża sabiex bis-suf tagħhom jintisġu l-palljijiet li fit-28 ta’ Ġunju jiġu mqiegħda fuq il-qabar tal-Appostlu San Pietru u l-għada, Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, dawn jiġu mbierka mill-papa u mgħoddija lill-arċisqfijiet preżenti. Imbagħad it-tqegħid tal-pallju jseħħ fl-arċidjoċesi min-Nunzju Appostoliku.
Quddiem din ix-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb—anzi, ir-Ragħaj is-Sabiħ—li jlaqqagħna miegħu dan il-Ħadd, ejjew nitolbu flimkien mal-Knisja sabiex ir-ragħaj li l-Mulej tana jkun tassew jogħġbu bi qdusitu u li ma jehdiex jaħseb u jishar għall-ġid u l-għaqda tagħha.