
San Lawrenz: is-sbuħija li ssalva d-dinja
L-Ewwel Riflessjoni dwar il-kwadru titulari tal-Kolleġjata ta’ San Lawrenz, il-Birgu
Hekk kif l-istaġun tal-festi daħal ġmielu, fil-ġimgħat li ġejjin se ndawru l-ħarsa tagħna lejn il-kwadru titulari tal-Kolleġġjata Matriċi u Arċipretali ta’ San Lawrenz, il-Birgu, kapulavur ta’ Mattia Preti. Dan huwa l-ikbar tila li qatt pitter, u saħansitra l-ikbar kwadru titulari fuq gżiritna, b’wisgħa ta’ 5.79 metri u 4.02 metri għoli. Preti kellu madwar sitta u sebgħin sena dik il-ħabta, u allura żgur kellu bżonn l-għajnuna tal-aljievi u l-bottega tiegħu. Imma d-daqqa tal-imgħallem u l-pinzellati rfinuti tiegħu jidhru f’ħafna partijiet, b’mod speċjali fl-uċuħ u l-figura nnifisha ta’ San Lawrenz li tiddomina bid-dawl tagħha xena pjuttost mudlama, tipika tal-istil tenebrista tal-aħħar fażi tal-karriera tal-artist—għażla x’aktarx immarkata mill-esperjenza tal-ħajja tiegħu stess li, fi xjuħitu, bħal kulħadd kien iħares lura lejn ħajtu u jara taħlit ta’ dawl u dlam. Forsi d-dlam ikiddna iktar meta niftakru li l-ġudizzju huwa fil-qrib, imma d-daqqiet veri tal-Imgħallem waħdieni tagħna jidhru proprju fid-dettalji delikati anke fid-dlam, fejn ma jidhrux wisq, u wkoll fi rqajja mdawla li jagħmlu minn ħajjitna kapulavur—mhux kapulavur tagħna imma kapulavur tiegħu, l-Artist per eċċellenza.
Kif jgħid l-awtur u l-filosfu Russu Dostoevsky fir-rumanz L-Idjota, hija s-sbuħija li ssalva d-dinja. Sbuħija li mhijiex biss estetika, anzi li mhijiex primarjament estetika, daqs kemm hi s-sbuħija tal-imħabba u, fuq kollox, is-sbuħija ta’ dak li hu l-Isbaħ fost ulied il-bnedmin (ara Salm 45, 3), Ġesù Kristu, li s-sbuħija għerja u perfetta tiegħu tidher quddiemna proprju fuq is-salib. Sbuħija li tifdina u tiġbidna lejha. Sbuħija li ġibdet lil San Lawrenz u ħalliha taħkmu hekk għal kollox li hu wkoll kiseb dik is-sbuħija li tiddi ta’ dawk li tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet u werrieta tal-art għax qalbhom hi ħelwa bħal ta’ Sidhom u bħalu kellhom jgħaddu mis-salib (ara Mt 5, 5. 10).
Quddiem il-logħba bejn id-dlam u d-dawl fil-ħajja tagħna, filwaqt li ma ninjoraw l-ebda dell jew dettall mudlam, jalla flimkien mas-salmista quddiem il-providenza divina aħna wkoll inkunu nistgħu nistqarru b’fidi u serenità: “anqas id-dlam ma hu mudlam; għalik il-lejl jiddi bħan-nhar; id-dlam bħad-dawl għalik” (Salm 139, 12).