San Lawrenza: “bħall-mewt qawwija l-imħabba”

It-Tielet Riflessjoni dwar il-kwadru titulari tal-Kolleġjata ta’ San Lawrenz, il-Birgu

Fost il-figuri li nilmħu fid-dlam f’kuntrast mad-dawl ta’ San Lawrenz huma l-manigoldi imma wkoll xi suldati armati … xena li ma tistax ma tfakkarniex f’dak li jpittrulna l-Evanġelisti meta Ġesù safa arrestat fil-Ġetsemani. Wara li t-traditur jagħti s-sinjal permezz ta’ bewsa sabiex ikunu jistgħu jagħrfuh fid-dlam, Ġesù lil dawk li ġew għalih jgħidilhom: “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten! Meta kont inkun magħkom kuljum fit-tempju, ma meddejtux idejkom fuqi. Imma din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet!” (Lq 22, 52-53).

San Lawrenz, meta mhedded mill-Prefett ta’ Ruma biex jgħaddilu l-ġid tal-Knisja, bħal Kristu, huwa ma jintrikibx mill-biża’ imma, kif insibu fil-Legenda Aurea, jitlob tliet ijiem ċans bl-iskuża li jrid il-ħin biex jiġbor kollox, u jwettaq dak li kellu jagħmel: ra li l-ġid tal-Knisja ma jinħatafx mir-regħba ta’ min qatt ma kien kuntent b’li għandu u dejjem ried iktar, u għalhekk qassam kulma seta’ lill-fqar, dawk li tassew huma l-għaxqa tal-poplu kollu ta’ Alla, u, fit-tielet jum, konxju tax-xorti li se tmissu, jagħmel wiċċu bħaż-żnied (ara Is 50, 7) u jaffaċċja l-korla tal-Prefett Kornelju għax id-Djaknu tagħna kien jaf li, bħalma qal Kristu lil Pilatu, dan ma kellu l-ebda seta’ ħlief dik mogħtija lilu minn fuq (ara Ġw 19, 11), u jilqa’ l-martirju għax ma kienx lest li jiċħad il-leħen tal-kuxjenza tiegħu.

San Lawrenz ma kienx lest li jmur kontra dak li fehem li hu kien fl-essenza tiegħu: bniedem maħluq u mifdi minn Alla, djaknu magħżul għall-qadi tal-poplu, iben maħbub ta’ Alla … hekk li l-mewt seta’ jħares lejha bħala l-laqgħa ma’ din l-Imħabba li fiha poġġa t-tama kollha tiegħu. Ma kienx lest jiċħadha din l-Imħabba sempliċiment biex isalva ġildu żagħżugħa, għax, kif tgħanni l-għarusa fl-Għanja tal-Għanjiet lill-għarus ta’ ruħha, jiġifieri lill-Mulej: “bħall-mewt qawwija l-imħabba,” għax bħall-mewt l-imħabba dejjem tirbaħ, xejn ma jista’ jegħlibha; “ix-xrar tagħha,” tal-imħabba, “xrar tan-nar, nar tal-Mulej” (Għanja 8, 6).

Għalhekk, flimkien ma’ San Lawrenz, aħna wkoll lill-Mulej ngħannulu l-kliem li jiftaħ din l-istess għanja: “Qegħedni bħal siġill fuq qalbek, siġill fuq driegħek” (Għanja 8, 6). Qegħidna qrib qalbek, Mulej, int li inti Dak li Hu, inti li inti d-Dawl tad-dinja. Qegħidna bħal siġill fuq Qalbek Imqaddsa biex fina tikbes il-fjamma tal-imħabba tagħna bl-imħabba tiegħek hekk li, bħal dan il-qaddis, għalina wkoll, minkejja l-iebes tal-ħajja—anzi proprju hemm, fl-iebes tal-ħajja, fil-mard, fit-tradimenti u ċ-ċaħdiet, fl-iżolament—il-lejl ma jibqax mudlam, iżda kollox jiddi fid-dawl li huwa Int, li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.