Xi ftit ġimgħat ilu konna tkellimna dwar il-karti Glorja li jintramaw fuq l-altar fil-jiem tal-festa fil-knejjes tagħna. Imma hemm iktar armar li forsi narawh stramb jew ma nifhmuhx. Fost dan insibu d-‘dvalji’—jew aħjar, it-trieħi—li jgħattu l-altari. U, mhux waħda jew tnejn ikun hemm, imma erbgħa! U ma jistax jonqos li dawn it-trieħi jkollhom xi tarf tal-bizzilla fina ta’ Malta—donnhom terħa tikkompeti mal-oħra—jew rakkmu mill-iktar fin, kif jixraq li tkun imżejna l-‘mejda’ li fuqha tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija. Imma eżatt għalfejn jintrama dan kollu?

L-Istruzzjoni Ġenerali għall-Missal Ruman tisħaq li l-uniku altar li għandu jkun imżejjen u armat huwa dak li fuqu tiġi ċċelebrata l-quddiesa, u dan proprju għax l-altar innifsu huwa simbolu ta’ Kristu li “sar għalina l-qassis, l-altar u l-ħaruf” (ara l-V Prefazju tal-Għid). Minkejja li l-altari l-oħra ma kellhomx jitneħħew, dawn m’għandhomx ikunu ornati b’mod speċjali hekk li jtellef l-attenzjoni tal-ġemgħa minn dan il-punt wieħed fokali (ara par. 303). Madankollu, f’pajjiżna nżammet id-drawwa li jintramaw l-altari kollha, kif mitluba mill-istruzzjonijiet ta’ qabel ir-riforma liturġika tal-Konċilju Vatikan II, meta kien hemm idea iktar ‘privata’ tal-quddiesa.

Għalkemm illum jista’ jidher biss tiżjin, qabel dawn l-altari ż-żgħar kienu jintużaw ukoll, xi minn daqqiet b’quddies fl-istess ħin fl-istess knisja. Dawk ftit iktar maturi u misjuri forsi jiftakru kif xi parruċċani kienu jimxu minn altar għal ieħor, anke jekk ikunu diġà bdew jisimgħu quddiesa, jekk xħin iddoqq il-qanpiena jaraw ħiereġ mill-bieb tas-sagristija qassis iktar għal qalbhom jew li jdum iqaddes inqas! In-normi liturġiċi jistgħu jinbidlu, imma l-forma ta’ moħħ poplu mhux daqshekk faċli li tibdilha …

Intant, fejn l-altari laterali baqgħu jintramaw, probabbilment baqgħu jintramaw skont normi liturġiċi iktar antiki li kienu jippreskrivu li, fuq altar fejn se tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija, għandhom jitpoġġew tliet trieħi tal-għażel pur, u ġieli anke kienet titpoġġa terħa oħra tal-qies tal-wiċċ tal-altar. Dawn it-trieħi jissimbolizzaw il-liżar li fih kien imkeffen Kristu meta niżżluh mis-salib u poġġewh fil-qabar, skont ma jgħidilna l-Evanġelista Ġwanni (19, 40). Probabbilment, l-użu tat-tliet trieħi jmur lura għad-disa’ seklu u kellu l-iskop prattiku li jassorbu l-inbid mibdul fid-demm ta’ Kristu f’każ li aċċidentalment jaqa’.

Meta jkun għadda l-ħin taċ-ċelebrazzjonijiet tal-quddies, l-altari kienu jitgħattew b’dik li ngħidulha s-sopra terħa biex tilqa’ t-trab waqt li l-altari ma jkunux qed jintużaw. Fil-festi ġeneralment dawn is-sopra trieħi jkunu tal-bellus u ta’ lewn aħmar dagħmien b’xi rakkmu tad-deheb, imma matul is-sena ġeneralment kienu jkunu ta’ lewn ħadrani u ta’ materjal inferjuri. Jekk irridu nġebbdu ftit it-tifsira simbolika, nistgħu nqabblu s-sopra terħa mal-mantar aħmar skur li s-suldati Rumani libbsu lil Ġesù waqt li qagħdu jgħadduh biż-żmien—liema mantar tneħħa, skont l-Evanġelji Sinottiċi, qabel ma Ġesù ttieħed biex jiġi msallab, l-istess kif is-sopra terħa titneħħa għall-quddiesa fejn Kristu jerġa’ jagħmel preżenti u jagħtina sehem mis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu li seħħ darba għal dejjem fuq il-Kalvarju (ara Lhud 7, 27).