
Fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu
Festa tad-Dedikazzjoni tal-Bażilka tal-Lateran
Kolletta
O Alla, int tħejji għalik għamara għal dejjem, mibnija b’ġebel ħaj u magħżul; kattar fil-Knisja d-doni tal-grazzja tiegħek, biex il-poplu fidil jibqa’ jikber dejjem għall-bini ta’ Ġerusalemm tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Illum il-Knisja tiċċelebra l-Konsagrazzjoni tal-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran, f’Ruma. Din il-Bażilika hija l-katedra tal-Papa bħala isqof ta’ Ruma. Meqjusa bħala ‘omm il-knejjes kollha,’ din il-Bażilika hija sinjal ta’ komunjoni fil-Knisja Kattolika. Għal dan il-Ħadd, il-liturġija tistidinna nirriflettu fuq ‘it-tempju,’ il-post sagru fejn jgħammar Alla. Is-silta magħżula għalina, meħudha mill-Evanġelju skont San Ġwann, tlaqqagħna ma’ Ġesù fit-tempju proprju fil-bidu talħajja pubblika tiegħu u mhux lejn l-aħħar bħalma nsibu fis-Sinottiċi. X’inhu allura l-messaġġ li jrid iwasslilna l-Mulej Ġesù llum? F’liema tempju nistgħu niltaqgħu tassew mal-Mulej, fit-tempju tal-ġebel, jew fil-Ġisem ta’ Kristu li huwa l-Knisja? Tabilħaqq, Ġesù huwa t-tempju l-ġdid. Kien għalhekk li lill-Lhud qalilhom, “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem jien nerġa’ ntellgħu” (v. 19).
Ġesù kien qed jitkellem fuqu nnifsu, li kellu jiġi maqtul iżda fi tlitt ijiem kellu jerġa’ jieħu l-ħajja. Iżda l-Lhud ma fehmuhx. Ġesù nnifsu huwa t-tempju fejn jgħammar Alla. Alla ma jinsabx fit-tempju tal-ġebel iżda fil-preżenza ħajja ta’ Ġesù Kristu fil-Knisja tiegħu. Ġesù ried ikeċċi ’l barra mit-tempju dak kollu li mhuwiex ta’ Alla. Aħna wkoll, permezz tal-Magħmudija sirna membri tal-Ġisem ta’ Kristu, il-Knisja, u tempji tal-Ispirtu s-Santu. Aħna konxji ta’ dan? Ġesù jixtieq ineħħi minna dak kollu li jxekkilna, u jwassalna biex nagħmlu mill-Knisja tiegħu suq għall-interessi tagħna. X’inhuma dawk l-idoli u d-distrazzjonijiet li jbegħduna minnu? X’inhuma dawk id-drawwiet ħżiena li jtebbgħulna qalbna u ma jagħmlux ġieh lit-tempju ta’ Alla? Nitolbu lill-Ispirtu Qaddis isaffi lill-Knisja sabiex tkun tassew preżenza ħajja ta’ Kristu fid-dinja.
Talba
Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti! Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej; ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj. Henjin dawk li jgħammru f’darek; huma jfaħħruk għal dejjem. Mulej tal-eżerċti, hieni l-bniedem li jittama fik! (Salm 84, 1-3, 5, 13)




