Talb ta’ nofs il-jum, it-Tlieta 2 ta’ Diċembru 2025
Salm 13 (14)
Bluha tal-ħżiena Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja. (Rum 5:20)
Jgħid l-iblah f’qalbu: “M’hemmx Alla!” * Tħassru l-bnedmin, għamlu ħwejjeġ ta’ min jistmellhom; * m’hemm ħadd li jagħmel is-sewwa. Il-Mulej mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin, * biex jara jekk hemmx min hu għaqli, min ifittex lil Alla.
Ilkoll intilfu, ilkoll flimkien tħażżnu; * ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed. Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, * dawk li qatt ma jsejħu l-Mulej? Li jaħtfu l-poplu tiegħi, * kif wieħed jaħtaf il-ħobż?
Biża’ kbir waqa’ fuqhom, * għax Alla hu ma’ nisel il-ġust. Intom tidħku bil-ħsieb tal-imsejken; * imma l-Mulej hu l-kenn tiegħu. Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta’ Iżrael? * Meta jerġa’ jqajjem il-Mulej il-poplu tiegħu, jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.