Żmien l-Avvent: Żmien ta’ taħriġ fis-sabar u t-tama, żmien ta’ tħejjija u stennija għall-adventus, għall-miġja tal-Mistenni mill-ġnus kollha. Żmien li, qabel ma hu tħejjija biex niċċelebraw il-Milied, huwa żmien li jpoġġina fil-qagħda t-tajba quddiem Alla billi jerġa’ jqabbadna t-triq jekk tlifnieha xi ftit proprju u jfakkarna wkoll fit-tieni miġja ta’ Kristu fl-aħħar taż-żmien u l-istennija bieżla u ħawtiela għal-laqgħa wiċċ imb wiċċ ma’ dak li ħa wiċċ tal-laħam, bħal tagħna—sabiħ u jiddi għax ħieles minn kull tebgħa ta’ dnub, imma li spiċċa bla sura u mingħajr għaxqa biex tħares lejh proprju biex din il-laqgħa mill-ġdid ma’ Alla saret possibbli mill-ġdid.
Jekk il-liturġija u l-ispiritwalità tar-Randan tixrob mill-għajn tal-esperjenza tal-poplu Lhudi tal-Eżodu—tal-jasar u l-ħruġ mill-Eġittu, tal-erbgħin sena fid-deżert—bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid permezz ta’ tixrid demm dak li kien tassew il-Ħaruf ta’ Alla li waħdu biss seta’ jneħħi d-dnubiet tad-dinja, b’mod simili, l-aktar permezz tal-profeziji meħudha mill-Ktieb ta’ Isaija, permezz tat-talb u l-innijiet, nistgħu ngħidu li l-Knisja fl-Avvent bħal donnha tgħaddina mill-esperjenza tal-eżilju f’Babilonja li seħħ fis-sitt seklu qabel Kristu. Esperjenza mmarkata mit-twissijiet ta’ Alla permezz tal-ħabbara tiegħu biex iduru lura mit-toroq ħżiena sabiex jeħilsu mill-konsegwenzi politiċi; it-theżżiża li l-eżilju ġab miegħu; u t-tama tal-ħelsien meta l-bidliet tal-poter fil-Lvant bdew juru li Alla tassew kien se jwettaq il-wegħda tiegħu li, wara sebgħin sena, il-poplu kien se jerġa’ lura f’artu u jibni mill-ġdid il-belt ta’ Ġerusalemm u t-tempju.
F’dan iż-żmien liturġiku partikolari, l-eżilju jsir xbieha tal-qagħda tal-bniedem imbiegħed għal kollox minn Alla minħabba d-dnub, u li jeħtieġ Salvatur u Feddej biex jerġa’ jwasslu lura mit-triq fid-deżert għall-art tiegħu, għall-post fejn ikun f’postu u f’daru miegħu nnifsu u ma’ Alla. Il-profeziji u l-wegħdiet tar-ritorn mill-eżilju jsiru eku tal-istennija għall-Messija li bdiet timmarka lill-poplu tal-patt il-qadim fl-aħħar sekli qabel il-miġja ta’ Kristu … stennija li ta’ kull sena nidħlu fiha mill-ġdid, l-ewwel billi nagħmlu l-kontijiet mal-ħajja u mal-ġrajja konkreta tagħna, mhux bi qtigħ il-qalb jew biża’ iżda b’tama u fiduċja, ħalli b’hekk nerġgħu ngħixu mill-ġdid l-istennija għall-Ħellies ta’ Iżrael, daqs li kieku Ġesù għadu ma twelidtx u qegħdin nistennew bil-ħerqa li jasal il-lejl tal-Milied biex nithennew biż-żjara tiegħu mill-għoli bħax-xemx tiela’!




