Papa Ljun XIV: “Intom għandkom it-tama! Intom għandkom iż-żmien!”

Fil-jiem li għaddew, il-Papa Ljun XIV għamel l-ewwel vjaġġ appostoliku tiegħu minn mindu ġie elett bħala suċċessur ta’ Pietru. Vjaġġ tassew importanti fejn, flimkien ma’ diversi mexxejja ta’ knejjes differenti, ewlieni fosthom il-Patrijarka ta’ Kostantinopli, fakkar l-1,700 sena mill-Konċilju ta’ Niċea fejn il-formulazzjoni ta’ dik l-istqarrija ta’ fidi li nagħmlu kull nhar ta’ Ħadd meta nirreċitaw il-Kredu, ilkoll fil-knejjes tagħna u fil-liturġiji differenti.

Mit-Turkija, il-Papa kompla l-vjaġġ tiegħu fil-Libanu b’messaġġ qawwi ta’ paċi u tama fil-Lvant Nofsani. Saħaq diversi drabi kif l-ekwilibriju politiku, soċjali u kulturali li dan il-poplu jissara biex iħaddan, minkejja diversi sfidi, jeħtieġ ikompli jservi ta’ xhieda li l-paċi hija possibbli, imma mhux mingħajr tbatija.

Però x’aktarx l-iktar kelma qawwija tiegħu mimlija fiduċja u tama kienet dik li wassal liż-żgħażagħ fil-laqgħa tiegħu magħhom f’Bkerké, fil-pjazza ħdejn il-Patrijarkat ta’ Antjokja tal-Maroniti. Bħalma għamel nhar l-elezzjoni tiegħu, hekk ukoll hawn, beda d-diskors tiegħu bit-tislima tal-paċi, din id-darba bil-Lebaniż: “Assalamu lakum!” F’dan il-kuntest isellem ukoll liż-żgħażagħ li ġew mis-Sirja u mill-Iraq, u anke liż-żgħażagħ Lebaniżi li rritornaw lura f’arthom għall-okkażjoni.

U jafdahom b’din il-missjoni li jkunu sinjali ta’ tama u jħabirku għall-paċi għax għandhom ħaġa li l-adulti ta’ spiss jidher li tilfu:

Intom għandkom it-tama! Intom għandkom iż-żmien! Intom għandkom iktar żmien biex toħolmu, biex tippjanaw u biex tagħmlu t-tajjeb. Intom il preżent, u l-ġejjieni diġà qed jieħu l-forma f’idejkom! Intom għandkom l-entużjażmu biex tibdlu l-kors tal-istorja! L-oppożizzjoni vera għall-ħażin mhijiex il-ħażin, imma l-imħabba—imħabba li kapaċi tfejjaq il-feriti personali waqt li tieħu ħsieb ukoll tal-ġrieħi tal-oħrajn.

Dan il-kliem ġagħalni naħseb ħafna. Il-kliem tassew mirqum u mwassal b’qawwa ma jgħoddx biss għaż-żgħażagħ tal-Lvant, imma kemm ikun sabiħ kieku jasal ukoll għand iż-żgħażagħ tagħna fil-punent maħkum minn kultura ta’ indifferenza u aljenazzjoni li jżommuna milli noħorġu minna nfusna. U ż-żmien jaħrab minn idejna. Fl-istess waqt, jekk iċ-ċiniċiżmu u l-frustrazzjonijiet tagħna jwaħħluna milli nagħtu wisa’ u opportunitajiet, m’aħniex se nemmnu u npoġġu l-fiduċja tagħna f’dawk li għandhom iż-żmien u suppost mimlija ħolm u entużjażmu imma malajr isibu ħajt jew jippreferu li ma joħorġux għonqhom. Wara kollox, x’rigal ikbar ta’ tama nistgħu nagħtu lid-dinja jekk mhux li nemmnu f’dawk li f’idejhom hemm l-enerġija fil-preżent u t-tama għal viżjoni b’għeruq sodi għall-futur!