Bil-Malti għandna diversi frażijiet li permezz tagħhom ngħaddu l-awgurju tagħna għall-Milied. Hemm espressjonijiet pjuttost diretti, bħalma huma “Il-Milied it-tajjeb!” u mbagħad “Is-sena t-tajba!” xħin jgħaddi l-25 ta’ Diċembru. Fil-kartolini u l-ittri uffiċjali ġeneralment ngħaqqduhom flimkien ix-xewqat sbieħ għall-Milied u s-sena l-ġdida. Imbagħad għandna espressjonijiet xi ftit iktar ġeneriċi bħal “Awguri!” jew  “All the best!”—b’din tal-aħħar probabbilment iktar komuni fost ġenerazzjonijiet “maturi.”

Imma “Awguri!” u “Ol di best!” għal xiex, ngħid jien? Ħeqq, mhux biex ma nweġġgħu s-sentimenti ta’ ħadd, forsi jaħsbu xi wħud. Veru, imma mbagħad nirriskjaw li naqgħu fir-redikolu ta’ ċelebrazzjoni mingħajr m’għandna raġuni għalfejn niċċelebraw. U, wara kollox, għalfejn hija offiża li niċċelebra xi ħaġa li nemmen fiha u ħaddieħor jifraħ miegħi? Anke jiena nifraħ lil ħaddieħor biex jieħu gost u jifraħ b’ċelebrazzjoni li forsi għalija ma tfisser xejn imma għalih tfisser ħafna. Nirrispettaha u nirrikonoxxiha!

Allura l-aħjar ngħidu “Il-festi t-tajba!” għax dik newtrali żgur! … Imma ċert? “Il-festi t-tajba!” mhijiex l-ekwivalenti ta’ “Season’s greetings” bl-Ingliż, kif jaħsbu xi wħud, bħal donnhom ix-xewqat sbieħ huma parti mit-tiżjin li jifqa’ kulm’hemm għal ġimgħat sħaħ, qisu żmien il-Milied la għandu bidu u lanqas tmiem. Aħna l-Insara, li suppost nafu x’qed niċċelebraw u nemmnu fih tassew, hawn Malta ngħidu “Il-festi t-tajba!” proprju għax nemmnu li tant hu kbir il-misteru li qed nifirħu bih f’dal-jiem li ma jistax jinġabar f’ċelebrazzjoni waħda.

Wara l-preparazzjoni spiritwali tal-Avvent, il-25 ta’ Diċembru huwa biss il-bidu! Nibdew billi niċċelebraw it-twelid ta’ Alla magħmul bniedem u nkomplu nifirħu b’dan għal tmint ijiem sħaħ, imsejħa ottava, li matulha niċċelebraw għadd ta’ festi marbutin ma’ dan it-twelid hekk kbir. Nibdew b’San Stiefnu, li kien l-ewwel wieħed li twieled għas-sema wara l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Imbagħad San Ġwann l-evanġelista u d-dixxiplu l-iktar qrib ta’ Ġesù li, flok b’rakkont tat-twelid, jibda l-Evanġelju proprju b’teoloġija elaborata tal-misteru b’lingwaġġ mill-iktar poetiku. Hemm ukoll il-qtil tal-Innoċenti minn Erodi li, mingħajr ma fehmu, ġew imsieħba fl-opra tal-fidwa. U ma jistax jonqos li niċċelebraw il-Familja Mqaddsa!

Dawn it-tmint ijiem jagħlqu bis-solennità ta’ Marija Omm Alla, li fiha nfakkru wkoll iċ-ċirkonċiżjoni tat-tarbija wara tmint ijiem, skont il-liġi Lhudija, u l-għoti tal-isem “Ġesù,” li minnu nnifsu jfisser salvazzjoni.

U, jekk taħseb li daqshekk biżżejjed biex tikkonvinċi ruħek kemm għandna festi biex nifirħu, stenna ftit ieħor għax il-kbir għadu ġej! Għalkemm forsi f’pajjiżna tilfet xi ftit mill-qawwa tagħha, l-Epifanija tal-Mulej—it-turija tiegħu lill-ġnus irrappreżeti mill-maġi—hija liturġikament meqjusa fuq l-istess livell tal-Milied. Anzi, tradizzjonalment kienet tingħata iktar importanza, tant li l-knejjes ewlenin ta’ gżiritna kienu jintramaw kważi għall-festa għall-Epifanija u mhux għall-Milied. Din l-enfasi naraw anke fir-riti differenti tal-Lvant proprju għax nifirħu mhux biss għax twieled is-Salvatur tad-dinja imma, iktar u iktar, meta ġie muri lilna lkoll, li m’aħniex parti mill-poplu Lhudi imma aħna wlied il-ġnus li fuqhom idda d-Dawl li keċċa d-dlamijiet. Fir-Rit Latin, din is-solennità hija estiża sal-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, fejn il-Missier wera lil Ġesù bħala l-Iben għażiż tiegħu.

Bir-raġun kollu, allura, ngħidu “Il-festi t-tajba!” għax, permezz ta’ għadd ta’ festi, niċċelebraw misteru fil-ħafna aspetti tiegħu. U dan l-għarfien tant hu kbir li, iva, nixtiequ l-festi t-tajba anke lil dawk li ma jaqsmux magħna l-istess twemmin għax lilhom ukoll nixtiqulhom li jduqu mill-ħlewwiet ta’ mħabbet Alla għall-bnedmin kollha!