Għalkemm li Marija ġiet imtella’ s-sema hija domma tal-fidi u ġiet iddikjarat bħala domma—bħala parti integrali ta’ dak li nemmnu bħala Kattoliċi—pjuttost riċenti, mill-Papa Piju XII fl-1 ta’ Novembru tal-1950, dan it-twemmin imur lura għall-ewwel sekli. U, minkejja li ma nsibux riferenza diretta fil-Bibbja għal din il-ħaġa, dan m’għandux ifixkilna għax l-għeruq ta’ din l-istqarrija ta’ fidi li nagħmlu permezz tal-festa tal-Assunta hija mibnija fuq dak li nsibu dwar Kristu fit-Testment il-Ġdid u f’dak li t-Tradizzjoni u t-teoloġija Nisranija kompliet tiżviluppa sa mill-bidu.

Huwa ċar li din il-festa ilha tiġi ċċelebrata f’din l-istess data sa mill-ħames seklu, l-ewwel f’Ġerusalemm u mbagħad mal-Lvant sakemm eventwalment bdiet ukoll tiġi ċċelebrata fil-Punent mill-Knisja ta’ Ruma sa tmiem it-tmien seklu. San Ġwann Damaxxenu (675–749 AD) f’waħda mill-omeliji tiegħu għal din il-festa jikkwota aneddotu mniżżel f’Historia Euthymiaca—dokument li jmur lura aktarx għas-seklu sitta—li fih kien hemm miktub kif, meta l-Imperatur Marċjon u martu Pulcheria xtaqu jakkwistaw il-ġisem ta’ Marija fis-sena 451, San Ġovinjale, Patrijarka ta’ Ġerusalemm, qalilhom li, għalkemm Marija mietet fil-preżenza tal-Appostli kollha u ġiet midfuna fiż-żona tal-Ġetsemani—fejn sa żmien dan l-isqof kien diġà hemm knisja ddedikata lilha—meta l-qabar ġie miftuħ fuq talba tal-Appostlu Tumas, dan instab vojt, u minn hemm l-Appostli kkonkludew li ġisimha ġie meħud fis-sema (ara Homilia II in Dormitionem B.V.M., par. 18, PG 96:747–750). U hemm għadd ta’ dokumenti oħra li jmorru lura għall-istess perjodu li jisħqu fuq din il-verità li ma tfaċċatx f’daqqa f’nofs is-seklu li għadda imma kienet ilha miżmuma b’għożża mill-Insara sa mis-sekli bikrija tal-Kristjaneżmu.

Però, lil hinn minn dawn l-evidenzi xjentifiċi, biex ngħidu hekk, hemm raġunijiet iktar marbutin mal-fidi f’Ġesù Kristu nnifsu li wasslu għall-iżvilupp ta’ din id-domma tul is-sekli. Dan il-privileġġ waħdieni ta’ Marija l-ewwel nett hu msejjes fuq l-istqarrija tal-fidi f’Ġesù Kristu bħala veru Alla u veru bniedem, li allura kien jeħtieġ omm biex permezz tagħha jidħol fid-dinja ħalli jkun jista’ jwettaq il-fidwa ta’ dan il-laħam imsejken tagħna mtebba’ bid-dnub. Għax hi Omm Alla—mhux fis-sens tal-allat ommijiet tal-pagani, imma għax hija omm Ġesù li hu tassew l-Iben ta’ Alla—allura Marija ġiet meħlusa mid-dnub sa minn qabel it-tnissil tagħha ħalli tkun post xieraq fejn dak li hu għal kollox oppost għad-dnub u l-ħażin seta’ jitnissel fiha. Konsegwentement, filwaqt li l-mifdijin kollha se jgawdu l-premju sħiħ bħala bnedmin sħaħ, bir-ruħ u b’ġisem igglorifikat bħal ta’ Kristu Rxoxt, għal Marija din il-ħaġa seħħet immedjatament: ġisimha ma rax it-taħsir u qed tgawdi l-premju sħiħ, bir-ruħ u l-ġisem, minn qabel l-aħħar taż-żmien (ara Piju XII, Munificentissimus Deus, 1 ta’ Novembru 1950, par. 3-4).

Għalhekk, bħalma hu l-Għid il-Kbir, hekk ukoll dan l-Għid tal-Assunta huwa l-prova tal-wegħda li aħna wkoll se tmissna l-istess xorti mbierka meta jasal il-waqt. U, bħala parti mill-Knisja li diġà qed tgawdi din il-glorifikazzjoni sħiħa, bl-umiltà kollha, filwaqt li tifraħ magħna fi Kristu—li hu s-Salvatur tagħha wkoll—Marija tibqa’ tinterċedi għalina sabiex magħna wkoll is-Setgħani jagħmel ħwejjeġ kbar. Jagħmel li anke fina ismu jiġi mqaddes bil-ħajja tagħna li kemm jista’ jkun tgħix ’il bogħod mid-dnub. U, meta naqgħu, nibqgħu xorta waħda nfaħħruh billi ma naqtgħux qalbna imma nsiru sinjali iktar qawwija tal-ħniena tiegħu li ma tistmerrx iċ-ċokon tagħna u ma tehdiex timliena b’kull ġid, l-istess kif seħħ f’Marija. Għax din hi l-fidi tagħna u dan hu li nifirħu bih u nqawwu t-tama tagħna fih f’din il-festa: li dak li seħħ f’Marija se jseħħ fina wkoll, kemm-il darba bħalha nħallu l-libertà tagħna tikkoopera mal-grazzja tal-Mulej biex ikun jista’ jaħdem fina u permezz tagħna.