
Kemm tiddi llum fid-dawl ta’ ġmielek
Tifħir ta’ sbiħ il-jum, Solennità tal-Imqaddsa Verġni Marija Mtellgħa s-Sema, illum il-Ħadd 15 ta’ Awwissu.
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.Glorja. Hallelujah.
Innu
Kemm tiddi llum fid-dawl ta’ ġmielek, Verġni
bix-xemx imlibbsa, tielgħa lejn is-sema,
bi tnaxil kewkba ta’ deheb fin fuq rasek,
u l-qamar taħtek!
Għelibt il-mewt, l-infern u d-dnub, o safja,
u qgħadt ħdejn Kristu, l-avukat tagħna,
mogħnija b’qawwa w setgħa ta’ sultana
ta’ l-art u s-sema.
Ħares, Marija, n-nagħaġ tal-merħla mqaddsa,
daħħal lill-mifrudin fil-għaqda tagħha,
eħles minn dell il-mewt u ġib fi ħdan
halill-ġnus imbiegħda.
Jaqilgħu bik il-maħra l-ħatja kollha,
farraġ lill-imnikktin, lill-foqra u l-morda,u,
fit-taħbit tal-ħajja, kun it-tama
tas-salvazzjoni.
Glorja w tifħir lit-Trinità ta’ dejjem,
li lilek, Verġni, żejjnet bil-kuruna,
u tatna fik sultana w omm ħanina
li tieħu ħsiebna. Amen.
Salmodija
Ant. 1: Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej.
Salm 62 (63):2-9
Ir-ruħ għatxana għall-Alla
Ifittex minn kmieni lil Alla min jiċħad egħmejjel il-lejl.
Alla, Alla tiegħi int; *
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bilgħatx għalik, †
għalik imxennaq jiena, *
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.
Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,
meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax int kont għajnuna għalija, *
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi, *
int tweżinni bil-leminija tiegħek.
Glorja.
Ant. 1: Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej.
Ant. 2: Il-Mulej għolla lil Marija Verġni fuq il-qtajja’ ta’ l-anġli; jifirħu l-fidili kollha, u jbierku lil Alla.
Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/