Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed

L-Ħamsa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena B

Kolletta

O Alla, int ġbart id-digrieti kollha tal-liġi mqaddsa fil-kmandament tal-imħabba tiegħek u tal-proxxmu; agħmel li aħna nħarsu l-preċetti tiegħek, biex jistħoqqilna naslu fil-ħajja ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Nikkundannawh għal mewt l-aktar kiefra.
Għerf 2:12,17-20

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

In-nies il-ħżiena qalu:
“Nonsbulu lill-ġust
għaliex hu ta’ xkiel għalina fi triqitna,
hu kontra l-għemejjel tagħna,
iċanfarna għax niksru l-Liġi,
jixlina għax immorru kontra t-tagħlim li ħadna.
Ħa naraw hux veru kliemu,
naraw fl-aħħar x’se jsir minnu.
Jekk il-ġust hu iben Alla,
jaqbeż għalih Alla, u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu.
Inġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija,
biex naraw xi tjubija għandu
u nkejlu sa fejn jasal sabru.
Naqtgħuhielu għall-mewt b’mistħija,
għax, kif jgħid hu, għandu min iħarsu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 53(54):3-4,5,6,8

R/.(6b): Il-Mulej hu dak li jżommni.

B’ismek, o Alla, salvani;
agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.
Isma’, o Alla, it-talba tiegħi;
agħti widen għal kliem fommi. R/.

Għax nies kburin qamu kontrija,
nies kefrin jonsbuli ħajti;
ma jżommux ’l Alla quddiem għajnejhom. R/.

Ara, Alla l-għajnuna tiegħi;
il-Mulej hu dak li jżommni.
Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju;
irrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb. R/.

Għal dawk li jfittxu jnisslu s-sliem, il-frott tal-ġustizzja hu miżrugħ fis-sliem.
Ġak 3:16–4:3

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

Għeżież, fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm issib it-taqlib u kull xorta ta’ ħażen. L-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa; huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuħ u bla qerq. Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja. Mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan, mill-passjonijiet li hemm jitqabdu f’ġisimkom? Tixtiequ, u ma ssibu xejn; imbagħad toqtlu, u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; imbagħad tiġġieldu u titqabdu. Ma għandkom xejn għax ma titolbux. Titolbu, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu fix-xalar.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
2 Tess 2:14

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju tagħna,
biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.
R/. Hallelujah.

Min irid ikun l-ewwel wieħed, għandu jkun il-qaddej ta’ kulħadd.
Mk 9:30-37

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”. Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.

Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”.

U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

Il‑qari liturġiku ta’ dan il‑Ħadd ikompli ma’ dak tal‑Ħadd ta’ qablu kemm fl‑istil kif ukoll fil‑messaġġ tiegħu.

L‑ewwel qari meħud mill‑Ktieb tal-Għerf faċilment iqanqal bosta emozzjonijiet fil‑bniedem għaliex huma bosta dawk li f’xi waqtiet tal‑ħajja għaddew jew huma għaddejjin minn esperjenzi simili deskritti ċari ħafna mill‑awtur sagru. Huma esperjenzi iebsin li l‑bnedmin bla kuxjenza, sabiex jostru għemilhom, ma jħallux lill-bniedem fis‑sewwa jgħid il‑verità, imma jippjanaw sal‑inqas dettall kif se jwarbbuh min-nofs, kif se jeħilsu minnu. Jaslu għal dan bl‑agħar forma ta’ mewt: l‑assassinju tal‑karattru, billi jġiegħluh jgħaddi ħajtu fil‑mistħija! Mhux hekk biss, imma riedu saħansitra jinqdew bit-tiġrib tal-bniedem ġust biex iġarrbu lil Alla wkoll.

Imma l‑bniedem ġust hu mibni fuq is‑sod, qalbu hi ta’ Alla. Għalhekk, fis‑Salm naraw l‑istqarrija mimlija umiltà ta’ dan il‑bniedem meta b’fiduċja sħiħa f’Alla jgħid: “Il‑Mulej hu li jżommni.” X’kuntrast mal‑Ewwel Qari, fejn il‑bniedem ħażin, mimli bih nnifsu, jaħseb li hu fil‑kontroll ta’ kollox, meta mqabbel mal-kliem tal‑bniedem ġust li bl‑akbar umiltà jerħi lilu nnifsu u l‑kawża tiegħu f’idejn Alla.

Fit‑Tieni Qari meħud mill‑Ittra ta’ San Ġakbu, naraw il‑kawża u xi effetti tal‑ħażen, u mbagħad lejn it‑tmiem tal‑qari l‑awtur joffrilna sfidi u għajnuniet ta’ kif negħlbu dan il‑ħażen. L‑għerq tal‑ħażen, jgħidilna San Ġakbu, jiġi mill‑għira li timmanifesta ruħha fi ġlied, f’tilwim u f’nuqqas ta’ rażan li jwassal għal kull xorta ta’ ħażen u ta’ sodisfazzjon ta’ passjonijiet qarrieqa li jneżżgħu lill‑bniedem minn kull dinjità lejh innifsu u lejn l‑oħrajn. Imma ma jiqafx hemm. L‑awtur jisfidna fil‑ġewwieni tagħna billi jgħidilna li aħna ma għandna xejn, aħna persuni vojta għaliex ma nitolbux, għaliex warrabna lil Alla u floku nitpaxxew fl‑edoniżmu sfrenat li ffabrikajna biex jimla l‑vojt li ħloqna b’idejna stess.

Forsi tajjeb li wieħed isaqsi: Imma għaliex il‑bniedem jasal biex jaqa’ daqshekk fil‑baxx u jħalli l‑għira tieħu t‑tmun ta’ ħajtu? Tgħid jiġri hekk għax il‑bniedem tant hu mimli bih innifsu li jaħseb li ħadd ma jista’ għalih, li għandu l‑kontroll ta’ kollox u ta’ kulħadd, imma fil-verità ma jkollu kontroll ta’ xejn jekk ma jkollux tiegħu nnifsu? Forsi jasal għal dan sforz il‑biża’ mill‑verità li tiġi minn Alla u minn xi wħud ta’ madwaru?

Il‑qari tal‑Evanġelju meħud minn San Mark, jissinkronizza perfettament mal-Ewwel Qari rigward it-tiġrib tal-bniedem ġust u jaqbel perfettament mat-Tieni Qari fil-kawża ta’ dan it-tiġrib. Ġesù stess ħabbar minn xiex kellu jgħaddi u kif ukoll ħabbar il‑qawmien tiegħu mill‑mewt, frott il-fiduċja sħiħa tiegħu f’Alla. Imma l‑appostli, meta semgħu dan, tefgħu l‑attenzjoni tagħhom xi mkien ieħor—bdew jaraw min minnhom, fl‑assenza ta’ Ġesù, se jeħodlu postu, min se jkun il‑kbir fosthom. Xi dgħufija! Ġesù għaraf dan kollu, u ta lilhom u lilna tagħlim qawwi ħafna dwar il‑qofol tal‑kobor veru tal‑bniedem li nsibuh fl‑umiltà u fis‑sempliċità li twassal għat‑telqa totali tal‑bniedem f’idejn Alla b’fiduċja sħiħa fih. Dawn il-mezzi, li tant għandna bżonnhom fil‑mixja tagħna fil‑fidi u fil‑ħajja ta’kuljum, iwasslu lill- bniedem sabiex jibqa’ jfittex bl-akbar serjetà lil Alla, u meta jiskoprih u jilqgħu f’ħajtu jasal biex jaqdih b’fiduċja u jaqdi lil ħutu l‑bnedmin b’qalb umli.

Forsi tajjeb nirriflettu ftit: L‑umiltà tbeżżagħni? Nitkexkex nerħi r‑riedni ta’ ħajti f’idejn Alla? Nista’ ngħid li jiena bniedem li għandi l‑paċi fija? Il‑qari liturġiku tal-lum kif jisfida l‑ġewwieni tiegħi? Xi jrid jgħidli Alla permezz ta’ dan il‑qari?

Nistedinkom tirriflettu ftit fuq sentenza li sibt dan l‑aħħar: “hu meħtieġ ħafna ċokon biex inkunu tassew kbar.” Jikkumplimenta dan insibu l‑kliem ta’ R. H. Benson: “Li tħossok tassew ċkejken u mhux importanti hija dejjem sensazzjoni ta’ ġid.”

Talba

Mulej Ġesù, inti taf il‑ġewwieni tiegħi; taf min huma dawk li jridu jġarrbu lili u lilek. Tħallini qatt nogħtor quddiem ħżunithom; tħallini qatt nitlef ħarsti minn fuqek, imma flimkien mas‑Salmista nitolbok żommni fis‑sod.

Mulej, imlieli qalbi b’dik l‑umiltà ġenwina li tgħarraf il‑kobor tiegħek u l‑kruha tal‑għira. Mulej, saħħaħ fija s‑sabar u t‑tjubija sabiex nibqa’ nfittxek u nilqgħek f’ħajti.
Ammen.