Nibżgħu minnek u nfittxu lilek

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum l-Erbgħa 15 ta’ Settembru.

Kantiku (Dan 3:26,27,29,34-41)

It-talba ta’ Għażarija fin-nar

Indmu u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkhom. (Atti 3:19) 

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna, *
ta’ min ifaħħrek, u ismek imsebbaħ għal dejjem.
Għax int ġust f’dak kollu li għamiltilna, *
kulma għamilt hu sewwa.
Għax dnibna u għamilna ħażin *
meta tlaqna lilek. 

Minħabba f’ismek, Mulej, la titlaqniex għal kollox, *
la tħassarx il-patt tiegħek,
la twarrabx il-ħniena tiegħek minn fuqna, *
minħabba f’Abraham, il-ħabib tiegħek,
minħabba f’Iżakk, il-qaddej tiegħek, *
u minħabba f’Iżrael, il-qaddis tiegħek,
li lilu kont wegħidt nisel bla għadd, *
daqs il-kwiekeb tas-sema
u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar. 

Għax aħna, Mulej,sirna iżgħar minn kull ġens ieħor, *
u minħabba dnubietna
llum iċċekkinna fid-dinja kollha.
U bħalissa la hemm iżjed prinċep, *
la profeta u lanqas mexxej;
la hemm offerta tal-ħruq u lanqas sagrifiċċju, *
la għotja u lanqas inċens,
u lanqas baqa’ mkien
fejn noffrulek l-ewwel frott tagħna, *
jew fejn nitolbuk il-ħniena. 

Madankollu, b’qalbna mgħaffġa u ruħna mċekkna, *
jalla nkunu ningħoġbu quddiemek,
qisna b’sagrifiċċju tal-ħruq ta’ ngħaġ u barrin, *
qisna b’eluf ta’ ħrief imsemmna;
ħa jkun hekk illum is-sagrifiċċju tagħna quddiemek, *
u jalla nimxu għal kollox warajk,
għax xejn ma jitħawdu *
dawk li jittamaw fik. 

U issa b’qalbna kollha nimxu warajk, *
nibżgħu minnek u nfittxu lilek. 

Glorja.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/