Talb ta’ nofs il-jum, illum it-Tnejn 27 ta’ Settembru.
Salm 39 (40)
(I) Radd il-ħajr u talb għall-għajnuna Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int ħejjejt għalija. (Lhud 10:5)
Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej, * hu niżel ħdejja u sema’ l-għajta tiegħi. Minn bir waħxi tellagħni, * minn qalb il-ħama u t-tajn; fuq il-blat qegħidli riġlejja, * u saħħaħli l-mixi tiegħi. Qegħidli fuq fommi għanja ġdida, * għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna.
Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża’ tiegħu, * u jittamaw fil-Mulej. Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu, * u ma jmurx mal-kburin, mogħtija għall-gideb. Bla għadd l-għemejjel tiegħek, * Mulej, Alla tiegħi; tal-għaġeb il-ħsibijiet tiegħek għalina; * ħadd ma jħabbatha miegħek! Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem; * iżda huma ħafna biex insemmihom.
Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti; * imma widnejja inti ftaħtli; ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija. * Imbagħad jien għidt: “Hawn jien, ġej.” Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi * li nagħmel ir-rieda tiegħek. Alla tiegħi, dan jogħġobni, * il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”.